Ali Mohammed Ibrahim ta’ sebgħa u għoxrin sena mis-Somalja ġie kkundannat sentejn ħabs u multa ta’ tmien mitt ewro wara li wieġeb ħati li kellu fil-pussess tiegħu pjanta u raża tal-kannabis u droga oħra sintentika f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.
Ibrahim inqabad b’ħamsa u ħamsin pakkett fil-komma tal-ġakketta, f’borża tal-karti u f’pakkett tas-sigaretti waqt rondi f’diversi f’ġonna fil-Marsa.
Fil-Qorti ngħad li waqt l-interrogazzjoni, l-imputat qal li hu kien jabbuża biss mid-droga sintetika.
F’każ simili iżda separat, Mohammed Susso ta’ tlieta u għoxrin mill-Gambja baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li fl-istess rondi fil-Marsa allegatament instab fil-pussess ta’ seba’ pakketti ta’ droga sintetika f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.
Hu kien akkużat ukoll li kellu fil-pussess tiegħu pjanta tal-kannabis.
Waqt l-interrogazzjoni l-imputat qal li kien jagħmel użu mill-ħaxixa tal-kannabis biss u li d-droga sintetika kien qed iżommha għal persuna oħra.