Għall-ħabta tat-tmienja tal-Ġimgħa filgħaxija, seħħ inċident stradali fi Triq Sant’Antnin, Marsaskala. Mill-istħarriġ irriżulta li għal xi raġuni seħħet ħabta bejn mutur tat-tip Honda Shadow u karozza tal-għamla Toyota Corsa.
Kemm il-mutur li kien misjuq minn mara ta’ disgħa u erbgħin sena residenti Bormla u kemm il-karozza misjuqa minn żagħżugħ ta’ tmintax-il sena li joqgħod Marsaskala, kienu sejrin fl-istess direzzjoni lejn Ħaż-Żabbar.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-mara l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard hija ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi gravi iżda mhux fil-periklu tal-mewt. Filwaqt li ż-żagħżugħ ma sofra l-ebda ġrieħi. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.