Ġgant fil-politika u fil-ġurnaliżmu.
Dr Joseph Micallef Stafrace, eks deputat u Ministru Laburista miet fl-età ta’ 87 sena.
Sa ftit tal-jiem ilu, Joe Micallef Stafrace kien għadu jikteb fil-gazzetti u l-aħħar artiklu ppubblikat tiegħu fit-Torċa kien il-Ħadd 17 ta’ Jannar.
Joe Micallef Stafrace ġie elett fil-Parlament għal tliet leġiżlaturi konsekuttivi, dik li bdiet fl-1962, fl-1966 u anki fl-1971 meta l-Perit Dom Mintoff kien reġa’ sar Prim Ministru.
Fil-fatt fl-1971, Micallef Stafrace kien sar Ministru għall-Kummerċ, l-Industrija, l-Agrikoltura u t-Turiżmu fejn dam erba’ xhur jokkupa din il-kariga.
Huwa kien ġurnalist, editur, avukat u anki għallem il-liġi tal-istampa fl-Università ta’ Malta fejn hemm ħalla marka kbira, anki għax kien magħruf għall-kontribut qawwi li ta lill-ġurnaliżmu.
Għamel żmien anki bħala Chairman tal-Awtorità tax-Xandir.
Micallef Stafrace kien l-editur tal-gazzetta ‘Is-Sebħ’.
Joe Micallef Stafrace kien anki spiċċa żżewweġ lil martu Yvonne fis-sagristija tal-Knisja ta’ San Pawl tar-Rabat, fi żmien id-dnub il-mejjet ordnat mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fis-sittinijiet.
F’intervista li dan l-istazzjon kien għamel miegħu dwar l-interdett, Micallef Stafrace spjega minn xiex kien għadda dakinhar tat-tieġ.
Huwa kien qalilna, “Dakinhar insomma dħalna miz-zuntier dritt għall-ġenb ġos-sagristija jiġifieri mhux minn ġo nofs il-Knisja u kien hemm ħafna membri ta’ għaqdiet reliġjużi jgħajtu Viva Kristu Re u dan id-diskors kollu imsomma. Imbagħad kont issib xi ħadd li meta ra l-mara dieħla ii xi ħlew iii xi ħlew biex bħal speċi ta’ ara f’idejn min sabet ruħha.”
L-imrar tal-ħajja kien daqu anki ftit qabel meta anki weħel erbat ijiem ħabs talli għamel karikatura tal-Gvernatur Ingliż Sir Robert Laycock fil-ġurnal is-Sebħ f’Awwissu tal-1958.
Dan l-episodju kien eku tal-irvellijiet t’April 1958 fejn ħadd ma seta’ jipprotesta kontra l-Gvern Ingliż.
Missier Micallef Stafrace kien anki jieħu ħsieb Villa Guardamangia fejn kienet tgħix dak iż-żmien il-Prinċipessa Eliżabetta li llum għadha r-Reġina tar-Renju Unit.
Fil-fatt Joe Micallef Stafrace kien baqa’ f’kuntatt mal-familja Irjali Ingliża kif kien spjegalna sitt snin ilu.
Hu kien irrakkonta: “Ir-Reġina ħaditli b’idejja, jien sellimtilha, ġie l-Prinċep ħa jieħodli b’idejja u dak il-ħin Herrera qallu, my Vice-President is the son of Micallef of Villa Guardamangia. Dak għamilli waħda hekk, ir-Reġina kienet imxiet xi żewġ passi ‘l quddiem. Sejħilha waħda, Ma’am, Ma’am u għamilla sinjal b’idejh hekk, dik ġiet lura, qalha the son of Micallef of Villa Guardamangia u ħadet pjaċir, saqsitni fuq il-familja.”
Lil Micallef Stafrace sellimlu l-Prim Ministru u l-Mexxej Laburista Robert Abela li qal li l-ikbar tislima li nistgħu nagħtu lil Micallef Stafrace hija li fil-politika, inħaddnu l-ideal tal-onestà.
Il-Gvern Malti fi stqarrija rringrazzja lil Dr Joe Micallef Stafrace għall-ħidma sfieqa li wettaq b’risq Malta u Għawdex u ta l-kondoljanzi lill-familja tiegħu.
Il-Partit Laburista wkoll sellem il-memorja ta’ Joe Micallef Stafrace u qal li din hija telfa ta’ bniedem li ħadem għall-ħelsien f’kull sens tiegħu.
Min-naħa tiegħu l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ukoll wera s-sogħba tiegħu għall-mewt ta’ Micallef Stafrace.
Joe Micallef Stafrace kien ġgant f’kull sens u ta pariri siewja lill-ġurnalisti li kienu telgħin.
Dejjem kien jisħaq li l-ġurnalisti għandhom responsabilità kbira b’dak li jiktbu u jxandru: “Tmissux il-fokolare domestico. L-affarijiet tad-dar, il-bejta tad-dar ħalluha għall-familja, ħlief f’eċċezzjonijiet tal-eċċezzjonijiet meta ssir xi ħaġa illi jkollha impatt fuq l-opinjoni pubblika.”
Joe llum niftakruk aktar minn qatt qabel iżda nwegħduk li għada se nżommuk f’moħħna waqt xogħolna.
Joe Micallef Stafrace l-ġurnalist, l-editur, il-politiku, il-ġentlom.