Il-proċess ġudizzjarju se jkun iżjed aċċessibbli għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin permezz ta’ anki preżentar tal-atti kriminali b’mod diġitali.
Dan imur id f’id ma’ proġett ambizzjuż ieħor li qed isir b’investiment ta’ ħames miljun ewro u li se jara estensjoni tal-bini tal-Qrati fi żmien sentejn.
Frank Mercieca, Il-Kap Eżekuttiv tal-Qorti, spjega kif l-professjonist legali jew l-Avukat Ġenerali jista’ jippreżenta l-atti tal-qrati online billi jidħol bl-e-ID.
Permezz ta’ din is-sistema, dawn l-atti kriminali se jkunu proċessati dakinhar stess jekk l-att jkun preżentat fil-ħinijiet tal-ftuħ tar-reġistru filwaqt li dawk li jkunu preżentati wara l-ħin tal-ftuħ se jkunu pproċessati l-għada.
Fi żjara l-Qorti, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis saħaq li l-effiċjenza fil-Qrati tilgħab irwol kruċjali fejn tidħol is-saltna tad-dritt.
Qal li minkejja li dawk kollha li jaħdmu fl-operat tal-Qrati qed iwettqu xogħol tajjeb, jeħtieġ jaħdmu b’mod iżjed effiċjenti sabiex joffru rimedji f’waqthom u ġusti u b’hekk l-każijiet ma jeħdux wisq fit-tul u iżjed ħin minn dak stipulat.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis stqarr: “Ikun hemm e-filing li huwa filing elettroniku tal-atti ġudizzjarji kollha tal-Qorti kriminali li jistgħu jsiru bil-kompjuter u mill-kumdità tal-uffiċċju legali tal-avukat mingħajr ma tiġi l-Qorti. Dan jagħmel sens mill-aspett ta’ pandemija globali li qed niġġieldu kif ukoll kumdità u aċċess aħjar għaċ-ċittadini tagħna.”