Miet Dr Joseph Micallef Stafrace, eks deputat u Ministru Laburista u ġurnalist li ta kontribut qawwi fil-ġurnaliżmu ppubblikat u fix-xandir.
Huwa miet fl-età ta’ 87 sena.
Sa ftit tal-jiem ilu, Joe Micallef Stafrace kien għadu jikteb fil-gazzetti u l-aħħar artiklu ppubblikat tiegħu fit-Torċa kien il-Ħadd 17 ta’ Jannar.
Joe Micallef Stafrace ġie elett fil-Parlament għal tliet leġiżlaturi konsekuttivi, dik li bdiet fl-1962, fl-1966 u anki fl-1971 meta l-Perit Dom Mintoff kien reġa’ sar Prim Ministru.
Fil-fatt fl-1971, Micallef Stafrace kien sar Ministru għall-Industrija, l-Agrikoltura u t-Turiżmu fejn dam erba’ xhur jokkupa din il-kariga.
Huwa kien ġurnalist, editur, avukat u anki għallem il-liġi tal-istampa fl-Università ta’ Malta fejn hemm ħalla marka kbira.
Għamel żmien anki bħala Chairman tal-Awtorità tax-Xandir.
Joe Micallef Stafrace kien ġgant f’kull sens u ta pariri siewja lill-ġurnalisti li kienu telgħin.
Dejjem kien jisħaq li l-ġurnalisti għandhom responsabilità kbira b’dak li jiktbu u jxandru.
Joe Micallef Stafrace kien anki spiċċa żżewweġ lil martu Yvonne fis-sagristija tal-Knisja ta’ San Pawl tar-Rabat, fi żmien l-interdett u d-dnub il-mejjet ordnat mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fis-sittinijiet.
Huwa kien anki weħel erbat ijiem ħabs talli għamel karikatura tal-Gvernatur Ingliż Sir Robert Laycock fil-ġurnal is-Sebħ f’Awwissu tal-1958.
Dan l-episodju kien eku tal-irvellijiet t’April 1958 fejn ħadd ma seta’ jipprotesta kontra l-Gvern Ingliż.
Missier Micallef Stafrace kien anki jieħu ħsieb Villa Guardamangia fejn kienet tgħix dak iż-żmien il-Prinċipessa Eliżabetta li llum għadha r-Reġina tar-Renju Unit.
Fil-fatt Joe Micallef Stafrace kien baqa’ f’kuntatt mal-familja Irjali Ingliża.
Intant, il-Prim Ministru u l-Mexxej Laburista Robert Abela sellem il-memorja ta’ Dr Joe Micallef Stafrace u qal li l-ikbar tislima li nistgħu nagħtu lil Micallef Stafrace hija li fil-politika, inħaddnu l-ideal tal-onestà.
Il-Gvern, fi stqarrija, irringrazzja lil Dr Joe Micallef Stafrace għall-ħidma sfiqa li wettaq b’risq Malta u Għawdex u ta l-kondoljanzi lill-familja tiegħu.
Il-Gvern stqarr: “L-esperjenzi tiegħu tul il-ħajja nebbħuh bl-importanza kbira li dan il-pajjiż ifittex dak li jgħaqdu u mhux dak li jifirdu, li l-għaqda nazzjonali għandha tirkeb dejjem fuq il-firdiet li tista’ ġġib magħha l-politika.”
Il-Partit Laburista wkoll sellem il-memorja ta’ Dr Joe Micallef Stafrace u qal li din hija telfa ta’ bniedem li ħadem għall-ħelsien f’kull sens tiegħu.
Min-naħa tiegħu l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ukoll wera s-sogħba tiegħu għall-mewt ta’ Dr Joe Micallef Stafrace, u ta l-kondoljanzi lill-qraba tiegħu.