Illum bdiet il-laqgħa annwali tal-ambaxxaturi tar-Repubblika ta’ Malta li din is-sena qed issir b’mod virtwali minħabba l-imxija tal-pandemija COVID-19.
Il-laqgħa tal-ambaxxaturi sservi sabiex ta’ kull sena tlaqqa’ flimkien l-ambaxxaturi residenti, mhux residenti u dawk tematiċi għal diskussjonijiet dwar diversi suġġetti relevanti għall-kisba tal-għanijiet tal-politika barranija ta’ Malta kif ukoll kwistjonijiet amministrattivi li huma importanti għal funzjonament b’suċċess tal-Ministeru għall-Affarjiet Barranin u Ewropej.
It-tema magħżula hija, ‘X’jistenna l-kobor tiegħek, mill-iżgħar fost iż-żgħar?’
Din il-mistoqsija toħroġ mill-‘Għanja ta’ Malta’, li kiteb il-Prof. Oliver Friggieri fl-1989 f’għeluq il-25 sena minn Jum l-Indipendenza, u li hija maħsuba biex tqanqal ħsibijiet dwar kif dan il-pajjiż jista’ jistinka dejjem aktar biex minkejja l-limitazzjonijiet tiegħu, iżomm reputazzjoni internazzjonali tajba u jtejjeb il-qagħda soċjo-ekonomika tiegħu.
F’dan il-kuntest, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo fetaħ il-laqgħa b’indirizz dwar il-missjoni tal-korp diplomatiku ta’ Malta. Sostna li jekk il-pajjiż jimxix ’il quddiem jew lura jiddependi ħafna mis-sens ta’ dover, imħabba u rispett lejn pajjiżna.
Il-Ministru Bartolo saħaq li kieku fis-sekli li għaddew ma kellniex Maltin li ħolmu li jkollna stat sovran li jmexxi lilu nnifsu, kieku Malta hija biss gżira oħra fil-Mediterran u mhux stat sovran, indipendenti, ħieles, newtrali u membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.
Qabel il-laqgħa, il-Ministru Evarist Bartolo inawgura xogħol ta’ restawr u rinnovar li sar fil-kantina ta’ Palazzo Parisio sabiex din isservi bħala spazju ġdid u differenti għall-uffiċjali tal-ministeru. Is-sala ssemmiet għas-Sur Alfred Zarb, diplomatiku b’karriera ta’ 50 sena li kien ta’ ispirazzjoni għall-bosta li segwew il-passi tiegħu.
Photo: MFEA