Grazzi għal ftehim bejn l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u Nature Trust se jkun hemm immaniġġjar responsabbli ta’ Wied il-Qlejgħa magħruf aħjar bħala Chadwick Lakes.
Matul dawn l-aħħar sentejn l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma tinsab għaddejja bl-implimentazzjoni ta’ proġett ta’ riġenerazzjoni u rijabilitazzjoni ta’ dan il-wied u permezz ta’ fondi Ewropej.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano spjega kif dan il-proġett qed jimxi taħt il-gwida tal-għaqda ambjentalista, Nature Trust.
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia semma kif żoni protetti mmaniġġjati b’mod effettiv huma għodda għas-salvagwardja tal-ambjent tagħna u l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali.
Il-Ministru Farrugia stqarr: “Qegħdin naraw li l-ERA jkollha enforcement neċessarju f’din iż-żona ta’ riservazzjoni biex b’hekk nevitaw off roading jew inkella tħawwil jew tluq ta’ speċi invażivi li jistgħu jfixkklu speċi endemiċi li hawn hawnhekk. Allura ħa nkomplu naħdmu biex dan is-settur inkomplu nkattruh u ngħadduh lura lill-poplu Malti kif jixraq.”
Il-Ministru tal-Enerġija u l-Iżvilupp sostenibbli Miriam Dalli laqgħet dan il-ftehim u semmiet kif dan huwa eżempju ċar ta’ kif nippreservaw l-ambjent naturali.
Il-Ministru Dalli qalet, “Wied bħal dan jista’ joffri numri ta’ affarijiet qed jara li jkollna ħażniet ta’ ilma għaliex ġew magħrufa lqugħ tas-seklu 19, qegħdin naraw li noffru spazju għall-familji biex jiġu hawnhekk preferibilment it-tfal magħhom għax post bħal dan jista’ joffri edukazzjoni lit-tfal tagħna first hand dwar l-ambjent naturali li jeżisti f’dan il-pajjiż.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi żied jgħid li dan hu eżempju ħaj ta’ kif il-fondi Ewropej jistgħu jagħtu kwalità tal-ħajja aħjar.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi tenna: “Il-proġett ta’ rijabilitazzjoni ta’ wied il-qlejgħa huwa proġett ko-finanzjat bil-fondi tal-Unjoni Ewropeja bis-somma ta’ madwar ħames miljun ewro illi dan il-proġett qed jilħaq miri ambjentali miri li permezz tiegħu li nieħdu ħsieb spazju miftuħ li għal ħafna snin kien tħalla mitluq.”