Il-block vote fil-kumitat sezzjonali Nazzjonalista ta’ Tas-Sliema qed ikompli jqanqal firdiet kbar fil-Partit immexxi mill-Kap Bernard Grech.
Nies ta’ Adrian Delia urtaw ruħhom u ħassewhom imweġġa’ għal mod kif in-nies tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li huma wara Bernard Grech, qed jimbuttaw block vote kontra n-nies ta’ Delia.
Fil-fatt wieħed minn dawk ta’ Grech, Kevin Wain bagħat messaġġi lit-tesserati biex jivvutaw għal seba’ membri fil-forma ta’ block vote u semma tliet persuni li appellalhom biex ma jivvutawx għalihom għaliex huma ta’ kontra Bernard Grech u favur Adrian Delia.
Wieħed minn dawk li ssemma bħala ta’ Delia huwa Tony Galea li fuq il-profil tiegħu fuq Facebook kiteb dwar l-attakki personali li hu u oħrajn qed jaffaċċjaw.
Qal li hu u oħrajn kienu suġġett ta’ kummenti mimlija firda.
Qal li meta jara dawn l-attakki personali ma tantx jagħmel il-qalb.
Tony Galea saħaq li ma jistax jifhem li llum Nazzjonalisti qed jiġu attakkati min-Nazzjonalisti oħra.
Tony Galea, li ta’ Bernard Grech appellaw biex ma jivvutawlux, qal li jispera li f’partit demokratiku t-tesserati jitħallew jivvutaw lil min iridu f’atmosfera serena.