Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar sensiela ta’ miżuri bilanċjati għax-xahar ta’ Frar sabiex pajjiżna jibqa’ jiġġieled b’għaqal il-pandemija tal-Covid-19.
Fil-Berġa ta’ Kastilja flimkien mad-Deputat Prim Ministru u s-Supretendent tas-Saħħa, il-Prim Ministru ħabbar li:
- L-attivitajiet tal-massa tal-Karnival mhux se jsiru
- Ir-ristoranti f’Malta u Għawdex iridu jingħalqu sal-11:00pm u ma jiftħux qabel is-6:00am
- Il-projbizzjoni ta’ ftuħ ta’ każini u bars ġiet estiża sal-aħħar ta’ Frar
- Bejn il-11-17 ta’ Frar kull min jitla’ fuq il-vapur qabel ser titteħiedlu t-temperatura
- Persuni li jitilgħu bil-karozza fuq il-vapur iridu jibqgħu fil-karozza tul il-vjaġġ kollu
- Ser jiżdiedu l-uffiċjali tal-LESA fuq il-vapur t’Għawdex
- Il-vapuri tal-Gozo Channel se joperaw b’nofs il-volum
- F’Għawdex se jkun hemm aktar rondi fin-Nadur, Rabat, Marsalforn u x-Xlendi
- L-MTA ser iżżid l-ispezzjonijiet f’Malta u f’Għawdex
- Mhux se jkun permess nies f’lukandi u residenzi aktar milli hemm sodod fil-post.
Il-Prim Ministru qal li dan il-Gvern jifhem l-impatt ta’ dawn id-deċiżjonijiet u b’hekk se jkun ta’ spalla grazzi għall-introduzzjoni tat-tieni rawnd ta’ vouchers, il-Covid Wage Supplement u l-għajnuna finanzjarja lill-bars u każini li kellhom jagħlqu.
Fil-fatt dwar din tal-aħħar, il-Prim Ministru ħabbar li fid-dawl tal-miżuri li ser jittieħdu għal Frar ġie deċiż li l-għajnuna finanzjarja għall-bars u l-każini ser tiżdied b’aktar mid-doppju.
Il-Prim Ministru Abela stqarr: “Riżultat tal-miżuri li qed inħabbru ħadna d-deċiżjoni li l-għajnuna għall-bars u l-każini issa tiżdied għal aktar mid-doppju ta’ dak li konna ħabbarna. Jiġifieri minn €1 miljun ta’ għajnuna addizzjonali se titla’ għal €2.2 miljun.”
Il-Prim Ministru tenna d-deċiżjoni importanti li ħa l-Gvern biex ma jmurx għal curfews u lockdown.
Dr Abela sostna: “In-nies ir-realtà hija li għajjew u meta lin-nies tgħidilhom jew trid toqgħod fid-dar tiegħek il-ġurnata jew minn ħin sa ħin ma tistax toħroġ mid-dar tiegħek qed tifhem li qed titfa’ pressjoni fuq is-saħħa mentali tan-nies, qed titfa’ lin-nies f’anzjetà li issa ilna viċin is-sena b’restrizzjonijiet.”
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tkellem dwar il-pjan ta’ vaċċinazzjoni u kif din l-istrateġija miexja kif kien imħabbar.
Waqt li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet, id-Deputat Prim Ministru qal li l-intoppi relatati mal-AstraZeneca bl-ebda mod ma huma ser jaffettwaw l-iskedar stabbilit mill-Awtoritajiet tas-Saħħa u l-Gvern dwar it-tilqim.
Id-Deputat Prim Ministru qal, “Għaddejin bl-iskrutinju tad-data li tat l-AstraZeneca lill-European Medicines Agency f’dawn il-ġranet. Jekk tiġi l-AstraZeneca li aħna għandna miljun doża tagħha allura merħba biha, nieħdu pjaċir biha u tajjeb ħafna għax inkunu nistgħu nġibu ‘l quddiem dawn it-timelines li għidna però t-timelines kollha li semmejna dawk kollha ma jiddependux fuq l-AstraZeneca.”
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li dawn il-miżuri qed jittieħdu fuq evidenza fl-aħħar ġimgħat u xhur.
Prof. Gauci spjegat: “Propju dawn il-miżuri li qed jitħabbru llum huma bbażati fuq dak li aħna rajna mill-każijiet li kien qed ikollna. Kienet xi ħaġa li rajna li l-maġġor parti tal-każijiet li kellna fiż-żieda tagħhom kienu minħabba clusters ta’ numru ta’ nies li kienu qed jitlaqgħu ma’ xulxin.”