Waqt li fl-aħħar jiem kienet qed issir l-osservazzjoni tal-għasafar tal-priża waqt il-passa, fil-Buskett kienet osservata tajra tal-priża rari ħafna għal Malta, deher Sparvier tal- Lvant (Levant Sparrowhawk, Accipiter brevipes).
Fi stqarrija l-Bird Life spjegat li dan huwa l-ewwel rekord ta’ din l-ispeċi fil-Gżejjer Maltin. Hemm numru ta’ rekords oħra tal-Isparvier tal-Lvant f’kollezzjonijiet ta’ għasafar ibbalzmati li jinsabu għand kaċċaturi madwar Malta u Għawdex, imma probabbilment dawn oriġinaw minn kaċċa fil-Lvant tal-Ewropa u ġew impurtati f’Malta.
L-għasfur, li huwa ferħ, kien osservat u tteħdulu ritratti mill-qrib, inkluż tal- fattizzi kollha ta’ din l-ispeċi li wasslu biex jiġi identifikat b’mod pożittiv bħala ferħ mara ta’ Sparvier tal-Lvant.
It-tajra tal-priża kienet osservata minn ornitologi ta’ esperjenza u esperti tal-għasafar fi ħdan BirdLife Malta li kull sena jistudjaw il-passa tal-għasafar tal-priża fil-ħarifa fuq il-Buskett.
L-Isparvier tal-Lvant hu għasfur tal-priża żgħir li jagħmel il-bejta fis-siġar, bil- mara ikbar mir-raġel fid-daqs.
Iż-żona fejn dan l-għasfur ibejjet hi mifruxa madwar ix-Xlokk tal-Ewropa, mill-Balkani sal-kosta tal-Punent tal-Baħar l- Iswed, il-Moldova, l-Ukrajna u r-Russja lejn in-naħa ta’ fuq tal-Baħar l-Iswed sal- Majjistral tal-Każakistan.
Fiċ-ċentru tal-Ewropa hu rari ħafna u jeżistu biss ftit rekords aċċidentali ta’ dan. Dan l-għasfur iqatta’ x-xitwa fl-Afrika.
Tajr ieħor tal- priża li kien osservat nhar it-Tlieta kien jinkludi Kuċċard (Honey Buzzards), Bagħdan Aħmar (Marsh Harriers), Sparvieri (Eurasian Sparrowhawks), Isqra tal- Ħannieqa (Hobbies), Seqer ta’ Denbu (Merlin), Spanjuletti (Common Kestrels) u Spanjuletti Sekondi (Lesser Kestrels).
Jista’ jkun li kien ir-riħ qawwi mill-Grigal li għamel dakinhar li wassal biex dan l-għasfur rari spiċċa jiġi Malta minflok qabad ir-rotta normali tal-passa tiegħu lejn il-Lvant.