Ġiet mnedija l-ewwel edizzjoni tal-Premji Nazzjonali għax-Xjenza, Teknologija, l-Inġinerija u l-Matematika, magħrufin wkoll bħala s-suġġetti STEM li se jkunu qed jingħataw fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, l-Esplora kull sentejn.
Dawn il-premji se jirrikonoxxu dawk il-persuni u entitajiet li bis-saħħa tal-espressjoni tagħhom qajmu aktar għarfien dwar dawn is-suġġetti kemm lokalment kif ukoll f’ċertu każijiet lil hinn minn xtutna.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici, li stqarr li huwa d-dmir tagħna li nirrikonoxxu u nonoraw lil dawn il-professjonisti għall-kontribut tagħhom.
Qal kif, “Waħda mill-affarjiet illi qed nagħmlu hija li nagħtu premijiet marbuta mas-suġġetti STEM u għalhekk aħna qed nistiednu lin-nies sabiex jinnominaw persuni mill-qasam tal-komunitajiet, tal-edukazzjoni u mill-qasam tad-dinja tax-xogħol illi ħadmu u qed jaħdmu biex imexxu ‘l quddiem is-suġġetti STEM.”
Il-Ministru Bonnici żied jgħid li huwa importanti ħafna li nżidu l-għarfien u l-interess fit-tfal sabiex nressquhom aktar lejn is-suġġetti xjentifiċi.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Kulleġġ Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pulicino Orlando, li wkoll kien preżenti għal din t-tnedija, qal li huwa evidenti li hemm nuqqas ta’ ħiliet f’ċerti industriji, partikolarment f’dak tas-suġġetti xjentifiċi u permezz ta’ dawn il-premji se jkun qed jitqajjem l-interess f’din l-industrija.