L-istudenti tal-inġinerija tal-MCAST issa huma eleġibbli wkoll għall-warrant ta’ inġiniera taħt il-liġi Maltija, dan wara li l-Bord tal-Inġinerija approva l-kors msejjaħ Pre-Warrant Qualification Course.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon id-Direttur tal-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport fl-MCAST, l-Inġinier Stephen Sammut esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din id-deċiżjoni ferm importanti għal diversi studenti.
Qal kif, “Għalina dan il-kors u din id-deċiżjoni tal-bord tal-inġinerija hija importanti ħafna għax mal-mitejn student tal-inġinerija li gradwawa mill-MCAST dawn l-aħħar disa’ snin issa jistgħu jaċċedu għall-warrant u jaħdmu fil-professjoni li huma tant jixtiequ.”
Dan kien possibbli wara li aġenzija Ġermaniża, magħrufa fis-settur għall-evalwazzjoni tal-istandards fl-istudju tal-inġinerija rrakkomandat lill-Bord tal-Inġiniera biex japprova dan il-kors tal-MCAST li għandu l-kontenut akkademiku sabiex iwassal biex student li jiggradwa minnu.
L-Inġinier Sammut spjega kif l-Istitut għandu kollox preparat biex jibda dan il-kors.
L-inġinier saħaq li se jsiru żewġ korsijiet wieħed għal inġinerija elettrika u ieħor għal inġinerija mekkanika.
L-MCAST ħabbret li ħa tħallas hi għall-ispejjeż biex isiru dawn il-korsijiet għax temmen bi sħiħ f’dawn l-istudenti li ħa jkunu pedament importanti għall-professjoni tal-inġinerija f’pajjiżna fil-futur qarib.
Intant fi stqarrija b’reazzjoni għal dan il-Ministri Ian Borg u Justyne Caruana qalu li dan il-pass qed jiftaħ beraħ l-opportunitajijiet għal diversi istudenti li jmorru l-MCAST sabiex jieħdu l-warrant ta’ inġiniera