Fares Hmein Sheibani Beaj, Libjan ta’ 33 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie akkużat li fost oħrajn weġġa’ żewġt irġiel bi strument bil-ponta u xi fliexken tal-ħġieġ waqt ġlieda f’San Ġwann is-Sibt li għadda fl-10:30 ta’ bil-lejl.
L-Ispettur qal li l-ġlieda bdiet wara li nqala’ argument fuq xi flus fejn l-Libjan jinsab akkużat li barra li weġġa żewġ irġiel, attakka wkoll mara, kiser il-paċi pubblika, ma obdiex l-ordnijiet tal-pulizija, kif ukoll li ġarr arma mingħajr ma kellu liċenzja għaliha.
Il-Pulizija qalet li l-Libjan kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu b’rabta ma’ każ ieħor meta suppost kellu jkun f’daru wara ċertu ħin.