Pajjiżna kien l-uniku wieħed fiż-Żona Ewro li ma rax żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil.
Skont statistika tal-Kummissjoni Ewropea, minħabba anki żieda fil-prezz internazzjonali taż-żejt fejn minn erbgħin dollaru l-barmil issa l-prezz tela’ għall-ħamsin dollaru l-barmil, f’dan l-aħħar xahar, il-prezz tal-fjuwil żdied b’medja ta’ madwar disa’ ċenteżmi għal kull litru.
L-aktar li l-prezz tal-petrol u d-diesel għola kien fil-Ġermanja, bi ħmistax-il ċenteżmu u erbatax-il ċenteżmu rispettivament.
F’Malta iżda, grazzi anki għal stabbiltà fil-prezz tal-fjuwil, il-prezz tal-petrol u d-diesel ma għoliex.
F’pajjiżna l-prezz tal-petrol huwa kważi sitt ċenteżmi orħos minn dak tal-medja taż-Żona Ewro filwaqt li lprezz tal-diesel huwa tliet ċenteżmi orħos mill-medja.
Fil-Lussemburgu u l-Finlandja l-prezz tal-petrol żdied bi ħdax-il ċenteżmu filwaqt li dak tad-diesel żdied b’disa’ ċenteżmi u tnax-il ċenteżmu rispettivament.
Minn din l-istatistika jirriżulta li l-prezzijiet tal-petrol f’pajjiżna huma inqas minn dawk imħallsa minn sebgħa għal kull għaxar ċittadin fiż-Żona Ewro filwaqt li l-prezzijiet tad-diesel f’Malta huma orħos minn dawk mħallsa minn tmienja għal kull għaxar ċittadini fiż-Żona Ewro.
L-ogħla prezz tal-petrol jitħallas fl-Olanda fejn il-petrol jiswa ewro u tlieta u sittin ċenteżmu għal kull litru u fil-Finlandja jeżisti l-ogħla prezz tad-diesel fejn dan jiswa ewro u ħamsa u tletin ċenteżmu għal kull litru.
Li kieku Malta kellha tesperjenza l-istess żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil, in-nefqa fuq l-fjuwil kienet tkun ta’ madwar tnejn u għoxrin ewro iżjed jew inkella ta’ ħamsa u sebgħin ċenteżmu aktar kuljum.