F’Malta għaddej proċess rigoruż, b’testijiet dwar is-sekwenza ġenetika tal-Coronavirus biex l-awtoritajiet tas-saħħa jkunu jafu jekk f’Malta għandiex każijiet tal-varjant tal-virus.
Il-Virologu Dr Christopher Barbara spjega li qed isiru numru ta’ testijiet, li qed dejjem jiżdiedu, fuq persuni li jidħlu Malta mill-ajruport u li jkunu obbligati li joqogħdu fi kwarantina.
Huwa fisser: “Din qed issir b’mod regolari, issa kontinwament. Qed ninformaw lid-dipartiment tas-saħħa pubblika meta jkun hemm dawn il-każijiet ta’ varjanti kontinwament. Li nista’ ngħid s’issa illi l-unika varjant illi sibna kien ta’ dak it-tip Ingliż. Jiġifieri l-oħrajn illi huma s-South African u l-Brażiljan variant s’issa għadna ma sibniex każijiet hawn Malta.”
Dawn it-testijiet qed isiru skont kif inhu rakkomandat miċ-Ċentru Ewropew għall-kontroll tal-Mard u l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa.
Dr Barbara sostna li t-tilqim li qed jingħata f’pajjiżna jilqa’ wkoll kontra l-varjant Ingliż, filwaqt li bħalissa għaddejja wkoll riċerka dwar il-varjanti l-oħra tal-Coronavirus.
Huwa tenna: “Jekk inhu dak it-tip tal-UK variant qed insibu li t-tilqima xorta qiegħda taħdem, dik tas-South Africa ukoll; tal-Brażiljan qed insibu illi trid aktar doża ta’ anti-bodies, dawk is-suldati, biex tiġġildilha l-infezzjoni. Però ma rridx li dak li jkun jibda jinkwieta għaliex ‘il quddiem jista’ jkun illi min jipproduċi l-vaċċin u meta niġu għall-booster jistgħu jagħmlu fine tuning tat-tilqima wkoll.”