It-Tnejn filgħodu il-Kabinett ltaqa’ ġewwa ċ-Ċentru Ċiviku tal-Fgura fejn preżenti kien hemm numru ta’ sindki u membri ta’ għaqdiet fil-komunità u istituzzjonijiet oħra.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr kif din il-laqgħa tolqot il-kunċett ‘Gvern għan-Nies’ direttament. Spjega li dan huwa għaliex persuna tidħol fil-ħajja politika, biex tagħmel il-ġid lin-nies. Saħaq kif huwa għalhekk li dan il-Gvern huwa kburi bir-ruħ soċjali tiegħu. Dan filwaqt li qed juri kemm hu ‘business friendly’ sabiex il-livell tal-pajjiż jitla’ ‘l fuq b’mod ħolistiku.
Fil-laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru rrimarka li dan huwa Gvern li jiddeċiedi wara li jisma’ u jevalwa l-opinjoni tan-nies.
Mal-midja wara l-laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru stqarr kif din il-ġimgħa l-Gvern qed jiffoka fuq il-preżenza tiegħu f’numru ta’ lokalitajiet wara li għal numru ta’ xhur il-Gvern kien iżjed iffukat fuq id-deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu b’rabta mal-pandemija.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “Fil-pandemija r-realtà kienet li konna kemxejn limitati, l-ewwel nett minħabba r-restrizzjonijiet tas-saħħa pubblika. Imma t-tieni punt għaliex bilfors trid taħdem ħafna ħafna fuq livell ‘macro’, jiġifieri fuq livell nazzjonali. Tieħu deċiżjonijiet il-ħin kollu, li ma bdewx iħallulna ħin biżżejjed li ninżlu fil-komunitajiet. Issa qegħdin naraw li d-deċiżjonijiet maġġuri ħadniehom għal dik li hija l-pandemija u dak qed jippermettielna li nkunu iżjed viċin in-nies, ninżlu iżjed fil-komunitajiet, nibqgħu nisimgħu. L-importanti l-polz. Li int iżżomm dejjem idek fuq il-polz tal-poplu u b’hekk tkun tista’ tieħu d-deċiżjonijiet li dejjem ikomplu jtejbu l-ħajja tan-nies.”
Qal kif fl-aħħar xhur sar ħafna tajjeb iżda għad hemm tħassib għal numru ta’ nies, fosthom is-sidien tal-bars u l-operaturi tal-każini li ntlaqtu ħażin ħafna mill-pandemija. Semma wkoll lil dawk li qed jgħixu b’kirja ta’ qabel l-1995 li għandhom inċertezzi dwar is-saqaf li għandhom fuq rashom.
Qal li dan il-Gvern mhu ser iħalli lil ħadd waħdu.
Fil-bidu tal-laqgħa l-Prim Ministru spjega kif Gvern immexxi minnu huwa wieħed li jieħu d-deċiżjonijiet wara li jitkellem man-nies.
Dr Abela sostna: “Dan huwa Gvern li jiddeċiedi. Jekk hemm xi ħaġa li ma niddejqux żgur li nagħmlu hija li nieħdu d-deċiżjonijiet. Però mhux niddeċiedu b’suppervja, niddeċiedu wara li nisimgħu, nevalwaw l-opinjoni ta’ kulħadd. Illum, nista’ ngħidilkom, mhuwiex sigriet, ħa niddiskutu numru ta’ ‘cabinet memos’ fejn ser inmorru għal konsultazzjoni pubblika.”
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fil-mument li fil-politika ssir arroganti ikun wasal iż-żmien fejn tippakkja u żżarma. Stqarr li kulħadd għandu jistenna li l-midja tagħmel l-iskrutinju tagħha. Stqarr li hu ser ikun qed jiddefendi lil kull ġurnalist fix-xogħol tiegħu.
Huwa elenka għal numru ta’ investimenti li saru minn dan il-Gvern fosthom l-investiment ta’ tlieta u tletin miljun ewro f’ċentru tar-riżorsi tal-MCAST ġdid, investiment ta’ erba’ miljun ewro fl-iskola sekondarja ta’ Santa Luċija, mija u ħamsin elf ewro fi ġnien vertikali fil-qasam industrijali ta’ Kordin, mitejn u tletin triq rurali li saru mill-2019, u l-art li ngħaddiet lil klabb tal-basketball ta’ Hibernians.
Semma wkoll iċ-Ċentru tas-saħħa Ċensu Moran li ser ikun l-ewwel ċentru reġjonali tas-saħħa f’Malta li jkompli jkabbar in-numru ta’ servizzi li jingħataw fil-komunità.
“Dawn il-proġetti huma evidenza ċara ta’ kif dan il-Gvern kompla bil-ħidma tiegħu anke tul il-pandemija”, saħaq Dr Abela.