Ftit tal-ħin ilu, grupp ta’ atleti Maltin minn dixxiplini sportivi differenti bħal motorsports, table football, bowling u athletics gew mogħtija rikonoxximent tas-suċċessi tagħhom barra minn xtutna mill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru stqarr li mhijiex qed tingħata biżżejjed importanza lill-isportivi f’pajjiżna. Fi kliemu fisser kif kull riżultat prestiġjuż f’kull dixxiplina tal-isports għandha tkun imfaħħra. Il-Prim Ministru spjega li minkejja l-limitazzjonijiet ta’ riżorsi l-Gvern se jkompli jagħmel mill-aħjar biex itejjeb il-faċilitajiet għall-isportivi Maltin u Għawdxin.
Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Chris Agius spjega kif fuq bażi volontarja u b’nuqqas ta’ faċilitajiet sportivi xorta waħda l-atleti Maltin qed joħorġu barra minn xtutna u jiksbu r-riżultati. Huwa fisser kif l-isports f’pajjiżna tħalla fil-ġenb u għalhekk il-Gvern qed jiprova jagħti l-importanza neċċesarja u l-ispinta meħtieġa.