Għar Ralek. Dan huwa l-isem fittizju li l-fotografu Conrad Neil Gatt, ta lil għar li skopra f’pajjiżna waqt l-avventuri tiegħu qalb in-natura.
Ma’ dan l-istazzjon, il-fotografu spjega kif minn dejjem kellu passjoni kbira lejn l-avventura, u madwar sena u nofs ilu beda jmur trekking qalb in-natura f’pajjiżna.
Ir-ritratti li kien jitfa’ fuq Facebook ġibdu l-interess ta’ bosta u għalhekk beda jieħu wkoll filmat u jippubblikah fuq YouTube.
Qal kif, “Kien qed ikolli ħafna feedback mingħand nies li jkunu d-dar speċjalment mindu bdiet il-COVID li ma setgħux joħorġu u through l-vlogs tiegħi, kienu qed imorru f’dawn il-postijiet virtwalment.”
Il-filmati mill-aktar avventura riċenti tiegħu, ippubblikahom il-Ġimgħa filgħaxija, fejn daħħal lis-segwaċi f’dak li qed isejjaħ bħala Għar Ralek.
Spjega kif, “Dan l-għar qiegħed ġo post strateġiku f’Malta jiġifieri ma nistax nindika fejn qiegħed, u tajtu dan l-isem għal erba’ fatturi differenti. Waħda biex nipproteġi l-post fejn qiegħed u kemm jista’ jkun ma jmorrux nies fih – jarawh through l-vlog tiegħi però kemm jista’ jkun ma jaċċessawhx nies, it-tieni għax perikoluż biex tidħol jiġifieri jrid ikollok naqra guts biex tidħol, three; sibt friefet il-lejl li f’għerien oħra msemmijin għalihom u tmur biex issibhom u ma ssibhomx, sibthom f’dan l-għar li huma rari f’Malta, u four biex ma nkomplux nivvandalizzaw dan il-post.”
Fil-futur, il-fotografu u vlogger jixtieq ikompli jiskopri partijiet remoti oħra f’pajjiżna biex ikun jista’ jaqsamhom mal-pubbliku, speċjalment mal-barranin.
Qal li, “Qed ikollna ħafna feedback mill-Awstralja, mill-Amerka, mill-Ingilterra, jiġifieri dawn nies li Malta ma tantx rawha, bħalna u through dawn il-vlogs, qegħdin nesperjenzawha flimkien.”