Jumejn wara li ħabbar ix-shadow cabinet tiegħu jew aħjar dak li ħatarlu Ray Bezzina, fid-Dar Ċentrali beda t-tgemgim minn dawk li stennew aħjar m’għand Bernard Grech li tela’ bl-għajta li se jġib tibdil wara l-era ta’ Adrian Delia.
Bernard Grech kważi ma biddel xejn fix-shadow cabinet, b’nies li jkunu fl-istamperija u jinnutaw kollox qalulna li wara li dam ħafna biex jieħu deċiżjoni, issa l-Kap ħareġ dgħajjef għaliex flok żamm mal-bidliet li kellu jagħmel, spiċċa kien kostrett iċedi għall-pressjoni wara li qam rebus fil-grupp parlamentari.
Evidentament Bernard Grech ċeda għall-pressjoni kif irrappurtat ukoll il-Maltatoday.
Dan hekk kif Bernard Grech kellu jmur lura mill-passi li kien se jieħu meta oriġinarjament kien se jqaċċat il-portafolli li kellhom Stephen Spiteri u Robert Arrigo.
Eventwalment Bernard Grech kellu jċedi u lil Spiteri u lil Arrigo żammhom fejn kienu u lil Delia, Bernard Grech ma rnexxielux jikkonvinċih biex itih portafoll.
Wieħed minn dawk fl-istamperija li qed jgħid li Bernard Grech ma laħaqx l-aspettattiva u minflok ġab diżillużjoni saħaq li l-Kap għamel żball kardinali li ma kellimx dirett hu lid-deputati u minflok uħud mil-laqgħat saru ma’ Ray Bezzina.
“Ħalla f’idejn Ray Bezzina meta lkoll nafu x’ħobż jiekol ir-raġel”, qalilna wieħed mill-ħaddiema fl-istamperija.
Ray Bezzina kien involut f’ingaġġ skandaluż fil-Wasteserv fi żmien il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi.
Eks Chief of Staff ta’ George Pullicino, Ray Bezzina huwa esponent ewlieni tal-għaqda Repubblika u tpoġġa ma’ Bernard Grech fuq insistenza ta’ Louis Galea.
Ray Bezzina deher f’ħafna mill-emails żvelati mill-Maltatoday tliet snin ilu fejn jidher imexxi ‘l quddiem ingaġġ ta’ kostitwenti tad-deputati u eks Ministri Nazzjonalisti fil-Wasteserv.
Dan baqa’ jagħmlu sa ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni ġenerali tal-elfejn u tlettax fejn il-Partit Nazzjonalista kien fl-aħħar jiem tiegħu fil-Gvern u s-sondaġġi interni tiegħu wkoll bdew juruh li jrid jaqdef u jaqdi ċertu nies biex iżomm ċertu voti.
Fil-fatt f’email li Ray Bezzina, illum ta’ Bernard Grech, bagħat lil Saviour Abela, dak iż-żmien Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv, fil-15 ta’ Jannar 2013, qallu li sad-disgħa ta’ Marzu, id-data tal-elezzjoni, għandu jistennih li jibgħatlu fuq affarijiet kull siegħa.
F’email oħra staqsa lil Christine Borg, li kienet taħdem fit-taqsima tar-riżorsi umani tal-Wasteserv jekk hux se jċaqilqu xi termini tax-xiftijiet tal-ħaddiema, b’Borg issaqsih jekk hemmx xi problema b’daqshekk.
Hawnhekk pront iwieġeb Ray Bezzina u jgħidilha li ċ-ċaqliq ma jagħmilx sens għaliex l-uffiċini ma jiftħux is-Sibt u l-Ħadd.
F’email oħra, fejn fiha kien hemm ikkuppjat il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv, talab lil Christine Borg biex ma jgerxux ħaddiema u fakkarha li l-elezzjoni hi wara l-bieb.
Inqas minn xahar qabel l-elezzjoni, is-Segretarju privat ta’ Gonzi, Monica Mizzi bagħtet ukoll lil Ray Bezzina u fiha qaltlu li Lawrence Gonzi bħala Prim Ministru taha tliet ismijiet biex jidħlu l-Wasteserv.
Mizzi ta’ Gonzi tant kienet insistenti li tlett ijiem wara reġgħet fakkritu, b’Ray Bezzina jibgħat lil tal-Wasteserv u jgħidilhom, “Ara x’nirċievi jien?”
Talabhom biex jaħsbu f’soluzzjoni biex jaqdu lil ta’ Gonzi anki jekk waħda temporanja.
Quddiem dawn l-emails uħud minn dawk viċin Bernard Grech qalu li issa b’Ray Bezzina maġenbu, wieħed isaqsi, xi kredibilità jista’ jkollu l-Kap biex jitkellem fuq il-governanza.