Bjorn Grima ta’ 35 sena minn ta’ Sliema ngħata l-libertà proviżorja wara li tressaq il-Qorti akkużat b’pussess aggravat ta’ droga.
Il-każ seħħ l-Erbgħa li għadda għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija meta l-akkużat twaqqaf mill-Pulizija waqt li kien ħdejn it-Terminal tal-Gozo Channel fiċ-Ċirkewwa.
Waqt tfittxija fil-karozza ta’ Grima allegatament instabu tletin gramma ta’ Kokaina.
Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Grima ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, wara li fl-2019 kien ġie akkużat li ħaraq l-ark storiku tal-Furjana.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-ispettur Alfredo Mangion oġezzjona għall-ħelsien mill-arrest.
Iżda għal dan, l-Avukati difensuri qalu li l-akkużat għadu innoċenti u li l-uniku xhud f’dan il-każ hija l-għarusa tiegħu li kienet miegħu fil-karozza u li diġa’ qalet mal-Pulizija li ma kenitx taf bid-droga.
Il-Qorti tatu l-libertà fuq depożitu u garanzija personali ta’ €5,000.