Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera ltaqa’ ma’ Lawrence Renes li ġie kkonfermat bħala Ambaxxatur Kulturali għall-Mużika. Lawrence Renes huwa surmast Olandiż-Malti ta’ fama internazzjonali, li kkonduċa diversi orkestri matul is-snin f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.
Waqt il-laqgħa, il-Ministru Herrera u l-Ambaxxatur Renes iddiskutew metodi u direzzjoni ta’ kif għandha ssir komunikazzjoni kulturali ma’ diversi pajjiżi li diġà wrew l-interess li jikkollaboraw magħna f’dan il-qasam. Il-Ministru Herrera spjega li l-qasam kulturali huwa wkoll għodda essenzjali u effettiva fil-kamp diplomatiku.
Il-Ministru Herrera awgura lill-Ambaxxatur Renes suċċess u ħidma sfiqa f’dan il-qasam.