B’investiment ta’ mija u ħamsin elf ewro, pajjiżna se jkompli jitħaddar permezz ta’ ġnien vertikali fiż-żona industrijali ta’ Kordin.
Pajjiżna għaddej bi proġett ta’ madwar nofs miljun ewro fejn ingħatat dehra ġdida, permezz ta’ ġonna vertikali, lil tliet żoni industrijali. Dawk tal-Mosta, tal-Marsa u issa ta’ Kordin.
Dan tħabbar waqt żjara fuq il-post mill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri.
Fuq il-ħajt ta’ fabbrika f’din iż-żona ġew imħawla madwar għaxart elef u ħamsin pjanta li se jkunu qed jagħmlu ħafna ġid għall-madwar.
Il-Perit responsabbli mill-installazzjoni ta’ dan il-ġnien vertikali spjega li kif dan il-ħajt se jkun qed jitħares u fil-fatt hemm allokati sebat elef u ħames mitt ewro oħra għall-manutenzjoni ta’ dan il-ħajt għall-ħames snin li ġejjin.
Is-Sur Muscat fisser: “Apparti hekk aħna jkollna grupp minn nies tagħna li darba fil-ġimgħa jispezzjonaw il-ħajt u jispezzjonaw is-sistema ta’ tisqija u naraw jekk hemmx xi pjanti li għandhom bżonn iktar fertilizzant. Huwa proċess twil li għandu bżonn manutenzjoni regolari bħal ma kull min ikollu ġardina jkun irid imantniha u jdurha.”
Il-Ministru Farrugia spjega għaliex dan il-ġnien vertikali se jkun ta’ benefiċċju għal din iż-żona urbana. Huwa ħeġġeġ lill-Kunsill Lokali biex itellgħu proġetti ambjentali permezz ta’ diversi skemi.
Il-Ministru Farrugia stqarr: “Dawn il-ġonna vertikali huma importanti għax huma f’żoni urbani allura huma postijiet ta’ fejn jgħixu jew jaħdmu ħafna Maltin u Għawdxin, kif qegħdin naraw hawnhekk f’Kordin f’din iż-żona industrijali. Dan il-ġnien vertikali huwa importanti kemm għall-estetika kif ukoll il-kwalità ta’ ħajja li l-Maltin u l-Għawdxin se jkollhom fiż-żmien illi ġej imma wkoll għaliex bio-diversità u għalhekk hemm kunċett ambjentali wkoll u f’din iż-żona partikolari ħa jgħin ukoll sabiex jitnaqqsu l-ħsejjes taż-żona.”
Min-naħa tiegħu il-Ministru Schembri rrefera għal studji xjentifiċi differenti li wrew kif metru kwadru ta’ ġnien vertikali jassorbi madwar żewġ kilogrammi u tlett mitt gramma ta’ dijossidju tal-karbonju u jipproduċi madwar kilogramma u seba’ mitt gramma ta’ ossiġnu fis-sena.
Dan huwa ekwivalenti għal tmienja u għoxrin siġra fis-sena.
Il-Ministru Schembri qal, “U ħloqna xi ħaġa ambjentali li wkoll appart illi hija sabiħa mill-att estetiku, tipproduċi wkoll l-ossiġnu u jassorbu wkoll id-dħaħen li jkun hemm mal-madwar u allura dan huwa l-kunċett li issa qegħdin naraw li ħa nimplimentaw. Dan mhuwiex l-ewwel u l-aħħar proġett imma din ħa tkun in-norma ta kif wieħed iħares lejn proġetti wkoll industrijali.”