“Qegħdin inħarsu b’impenn lejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Pulizija u diversi titjib ġie u qed jiġi implimentat”. Dan intqal mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela waqt ċerimonja li fiha 64 membru u eks membru tal-Pulizija ġew dekorati bil-midalja għal servizz twil u effiċjenti.
Fl-intervent tiegħu l-Ministru elenka l-investiment li qed isir għal bini ta’ korp modern li joffri kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa, dan permezz ta’ opportunitajiet ġodda fl-avvanz tal-karriera, tisħiħ kontinwu fir-riżorsi umani, taħriġ ta’ kwalità fil-ħiliet, u xiri ta’ tagħmir għal qadi aħjar ta’ dmijirithom. Għamel referenza wkoll lejn drittijiet ġodda li ngħataw li jinkludu d-dritt ta’ rappreżentanza, tnaqqis fit-taxxa f’ xogħol extra duty, u titjib fuq ħinijiet ta’ shifts.
Innota kif il-pass li jmiss u li beda jingħata attenzjoni huwa fejn jidħol pjan għal titjib fl-ambjent tax-xogħol tagħhom, b’mod partikolari fl-għasses distrettwali, dan filwaqt li d-diskussjonijiet jinsabu għaddejin mal-imsieħba, kemm fuq l-evalwazzjoni ta’ introduzzjoni ta’ polza ta’ assikurazzjoni għal Korpi Dixxiplinati u l-overtime bl-arretrati tal-Pulizija.
Żied jgħid li l-Gvern se jibqa’ ħabrieki sabiex il-Pulizija jkunu attrezzati biex jindirizzaw l-isfi di li jġibu magħhom xejriet kriminali preżenti u futuri, filwaqt li jgawdu minn kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa. Mingħandhom, però, jistenna professjonalità fis-servizz offrut.
Temm billi qal li flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, jirrimarka l-valur wara l-midalja li hija simbolu tal-gratitudni tal-ħidma siewja li għamlu b’rieda, dedikazzjoni u qlubija matul il-karriera.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal li jħossu onorat li propju illum f’Jum San Mikiel, il-Patrun tal-Pulizija, qed jassisti għall-għoti ta’ dawn il-midalji. Qal li kuljum s-soċjetà tistrieħ fuq il-professjonalità, it-taħriġ u l-esperjenzi tal-Pulizija, li mhux biss jipproteġu iżda wkoll jiddefendu l-istil ta’ ħajja demokratika taċ-ċittadini.
Intant, waqt din iċ-ċerimonja fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, 46 membru minn dawk li ġew iddekorati huma membri preżenti tal-korp, maqsuma f’5 pulizija li ngħataw il-midalja wara 18-il sena servizz, 22 membru li ngħataw il-first clasp wara 25 sena servizz, u 19-il membru li ngħataw is-second clasp wara 30 sena servizz. It-18 l-oħra huma eks membri.
Ritratti: DOI, Reuben Piscopo