Minkejja l-isfidi li kulħadd affaċċja fis-sena tal-pandemija, disgħa u erbgħin individwu jew koppji resqu ’l quddiem biex jagħtu mħabba lil tfal li jkollhom bżonnha permezz tas-servizz tal-fostering.
Is-sena li għaddiet, 39 tifel u tifla ġew fostered, u bħalissa hemm sbatax oħra, minn tfal sa żgħażagħ, li qed jistennew familja biex tilqagħhom fi żminijiet diffiċli għalihom.
Remenda Grech, id-Direttur tal-Kura Alternattiva tat-Tfal u ż-Żgħażagħ fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, spjegat li dawn huma ċifri pożittivi ħafna meta wieħed iqis li l-elfejn u għoxrin kienet sena ta’ pandemija globali fl-istess ħin li f’Malta għaddiet ukoll il-liġi tal-Protezzjoni tal-Minuri.
Hija fakkret fil-kunċett ewlieni wara l-fostering, li familja tilqa’ fi ħdanha tfal għal perjodu qasir, li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli fil-familja bijoloġika tagħhom.
“Fejn qabel forsi konna nibqgħu naħdmu mal-familja u nagħtu ħafna ċansijiet, illum il-ġurnata qed inħarsu iktar lejn l-aqwa interess tat-tfal u allura jekk wara sena, sena u nofs, ma hemm l-ebda xaqq ta’ dawl li dawn it-tfal ħa jerġgħu jmorru lura mal-familja tagħhom, hemmhekk aħna nimxu lejn permanenza fejn nagħtu l-assigurazzjoni li dawn it-tfal verament se jibqgħu fil-foster family sa ma jagħlqu tmintax-il sena u nagħtu stabbiltà.”
Is-sitwazzjonijiet biex tifel jew tifla jispiċċaw fuq il-lista għall-fostering huma varji, fost l-oħrajn meta l-ġenituri jidħlu l-isptar għal xi trattament fit-tul, jew biex isegwu programmi ta’ rijabilitazzjoni. F’ċertu każijiet, ikun hemm l-abbuż.
“Rajna sfortunatament tfal li ġew imsawta b’mod eċċessiv ħafna li kellhom diversi marki fuq ġisimhom li juru li kienu ġew maħqura ħafna sfortunatament fil-ħajja tagħhom. Kellna tfal oħrajn li ġew traskurati, li ma jagħtuhomx l-ikel li huwa neċessarju, ma jagħtuhomx l-injections li għandhom bżonn anki fil-kura tas-saħħa tagħhom jiġifieri dawn litteralment tfal traskurati li qegħdin prattikament jittrabbew waħedhom.”
Remenda Grech tkellmet dwar sitwazzjonijiet meta jkun hemm iktar minn wild wieħed fl-istess familja li jkollu bżonn kura alternattiva.
“Qed naraw ukoll realtà ta’ iktar minn tifel wieħed, żewġt itfal jew tlett itfal li meta nkunu qed nagħmlu l-investigazzjoni jirriżulta li t-tlieta li huma jkollhom bżonn jinħarġu mid-dar u l-emfasi tagħna tkun li kemm jista’ jkun dawn it-tfal ma jinfirux għaliex diġà hija trawma kbira li jkollhom jinħarġu mill-familja bijoloġika tagħhom allura kemm jista’ jkun inħeġġu familji, u bi pjaċir ngħid, li fl-2020 kellna familji li aċċettaw żewġt aħwa jew tliet aħwa fil-familja tagħhom.”
Hija temmet tgħid li veru ħafna jibżgħu li jorbtu qalbhom malajr, imma dak huwa s-sabiħ tal-fostering, għaliex dawn it-tfal jingħataw imħabba fi żmien kruċjali f’ħajjithom li jibqgħu jġorruha magħhom għal dejjem.
“Kull familja tgħaddi minn perjodi ta’ diffikultà imma li inti ssib individwu, li inti ssib familja, li qiegħda hemmhekk u litteralment teħodlok ħsieb lit-tfal sakemm tiġi fuq saqajk, dak huwa l-aqwa serħan tal-moħħ li ġenitur jista’ jkollu.”