Mhux minnu li qed jitħallsu kwart ta’ miljun ewro kuljum dwar il-ftehim tat-tliet sptarijiet. Dan ħareġ mix-xhieda tal-eks prim Ministru D Joseph Muscat li xehed fil-kawża li fetaħ Dr Adrian Delia dwar il-ftehim tat-tliet sptarijiet.
Joseph Muscat stqarr li fuq ħames snin l-ammont totali ta’ ħlasijiet li saru lill-konċestorju kien ta’ 265 miljun ewro. 127 miljun ewro huma flus li direttament jitħallsu lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa. Dan iħalli 138 miljun ewro fuq ħames snin li minnhom trid tnaqqas 20 miljun ewro f’VAT bejn wieħed u ieħor. B’hekk jifdal 118-il miljun ewro fuq ħames snin.
Qal li sakemm kien għadu inkarigat hu, l-konċessjonarju kien għadu mhux jagħmel qligħ hekk kif dawn il-flus xorta kien ser iħallashom il-Gvern għall-qasam tas-saħħa irrispettivament jekk s-settur hux jitmexxa mill-kumpanija. Stqarr li l-250,000 ewro huwa l-ammont kollu li jkollu jitħallas kuljum meta jkollna l-isptar San Luqa, Karen Grech u l-isptar ġenerali t’Għawdex kollha lesti mix-xogħlijiet ta’ rranġar fihom. Biex hemm il-ħlas li jsir mit-taxxi tal-poplu huwa bi ħlas lura għas-servizz li l-poplu Malti u Għawdxi jkun qed jibbenefika minnu.
Joseph Muscat spjega wkoll li mhux minnu li l-isptarijiet inbiegħu lill-privat. Fiehem kif dawn ingħataw b’ċens temporanju biex ladarba jitlesta x-xogħol dawn jingħaddew lura lill-poplu Malti u Għawdxi.
Qal li biex sar sptar Mater Dei dan dam 18-il sena biex inbena meta kellu jdum 6 jew 7 snin. Innota li dan imbgħad spiċċa kien żgħir wisq.
Dwar ‘side agreement ta’ mitt miljun ewro’ li l-avukat li deher għal Delia staqsa fuqu huwa ma setax jgħid minn fejn qed jikkwota. Dr Joseph Muscat stqarr li din hija kwistjoni oħra bħal tal-250,000 ewro kuljum. Spjega li kien hemm sitwazzjoni fejn mhux il-konċestjonarju iżda bank lokali kien espost u beda jitlob li l-Gvern jidħol garanti.
Stqarr li għalhekk kien instab mod li jekk jitwaqqa l-kuntratt il-Gvern jieħu mal-ewwel il-pussess tal-iskola medika u tal-assi kollha u wkoll jitħallas il-bank.
Dr Muscat stqarr li l-Oppożizzjoni li kkritikat ħafna għax qed idum ma jsir ix-xogħol hija l-istess waħda li għamlet pressjoni mal-Unjoni Ewropea biex il-Gvern ma jgħaġġilx biex iwettaq it-tibdil u r-riformi fil-qasam tas-saħħa fosthom fl-isptar San Luqa. Spjega li l-Unjoni Ewropea kienet bagħtet numru ta’ mistoqsijiet lil Gvern wara l-ittri li rċeviet mingħand membri parlamentari Ewropej Nazzjonalisti.
Intant, fil-ħin li kellu biex jagħmel il-mistoqsijiet, l-eks-kap Nazzjonalista Adrian Delia deher jitmasħan u f’mumenti l-avukati kellhom jiġbdu l-attenzjoni sabiex iħalli lix-xhud iwieġeb. Dan filwaqt li f’mumenti l-Qorti kellha tiġbidlu l-attenzjoni sabiex ma jdawwarx is-seduta f’dibattitu politiku.
Dr Delia u l-avukat li deher għalih, talab il-Qorti li l-awditur ġenerali jipproduċi l-kopja li għandu tal-addendum tal-100 miljun ewro. L-intimati ma’ oġġezzjonawx għal din it-talba sakemm l-pożizzjoni tal-awditur ġenerali ma tkunx preġudikata minħabba obbligi ta’ segretezza li jista’ jkollu.
B’hekk il-Qorti ħarrket lill-awditur ġenerali u lil Dr Konrad Mizzi għas-seduta li jmiss li ser issir fit-8 ta’ Frar f’nofsinhar.