Gvern Laburista mhux se jieħu tagħlimiet mill-Partit Nazzjonalista dwar il-Korp tal-Pulizija.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, b’reazzjoni għal dikjarazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li dan il-Gvern mhux jittratta lill-Pulizija b’dinjità u b’rispett.
Fl-istqarrija, il-Partit Laburista fakkar kif kien dan il-Gvern li ta d-dinjità lill-membri tal-Korp hekk kif ingħataw id-dritt li jissieħbu f’unjin u anke l-ftehim settorjali ġdid li bih il-Pulizija bdew jitħallsu tas-sigħat kollha ta’ ’l fuq mill-erbgħin siegħa.
Il-Partit Laburista fakkar kif dan il-Gvern qed isewwi l-inġustizzji ta’ Gvern Nazzjonalista, u qed iħallas is-sahra dovuta lill-Puliżija.
Il-Partit Laburista temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista mhux kredibbli fuq is-suġġett, u meta jitkellem b’opportuniżmu politiku, jispiċċa jfakkar lill-poplu li kien dan il-Gvern li ta drittijiet ikbar lill-Pulizija.