Waqt intervista online fuq is-sit tal-gazzetta MaltaToday li saret mill-ġurnalist veteran Reno Bugeja, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ikkonferma li ma jrid jipproponi xejn għall-pajjiż.
Waqt pandemija, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jkun iblah jekk jipproponi xi ħaġa għal Malta.
Qal, “Irrid inkun iblah li jien nipproponi noħroġ hemm barra dak kollu illi jien nixtieq inbiddel jien f’dan il-pajjiż.”
Waqt din l-intervista, Bernard Grech qal kif pajjiżna għandu l-inqas rati ta’ dawk li ħadu t-tilqim għall-Covid-19.
Tenna, “Żokkra fid-dinja għandna l-inqas rata ta’ rollout ta’ vaccine, mur ara l-istatistika.”
Din id-dikjarazzjoni għamilha fl-istess żmien li ħarġet statistika li pajjiżna jinsab fit-tieni post wara d-Danimarka fl-ammont ta’ nies li diġà laqqam kontra l-Covid-19.
Dan apparti li l-Gvern qal li sa nhar it-Tnejn li ġej se jkun laqqam kważi t-tripplu tal-medja Ewropea.
Fl-intervista Bernard Grech faħħar id-deputati li għandu miegħu u qal li dawn jagħmlu unur lill-pajjiżna, b’ħafna minnhom huma ta’ żmien GonziPN, iż-żmien li Malta kienet tpoġġiet fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv.
Grech kien mistoqsi wkoll dwar il-kritika bla rażan tiegħu għall-proċedura parlamentari li ntużat ukoll għalih u għal ta’ qablu biex daħlu fil-Parlament.
Huwa ftaħar li ġie elett mit-tesserati, bil-preżentatur jiġbidlu l-attenzjoni.
Dwar il-fatt li mitt jum mindu laħaq Kap għadu lanqas ħa deċiżjoni u ħatar ix-shadow cabinet, Bernard Grech inqabad jgħid żewġ affarijiet differenti f’temp ta’ ftit sekondi fl-istess intervista.
Bernard Grech ħassu skomdu jitkellem dwar il-fatt li kkampanja kontra d-dħul tad-divorzju u dwar l-emendi l-ġodda preżentati biex tiqsar it-triq għall-kisba tad-divorzju, il-Kap tal-Oppożizzjoni nfexx jattakka lill-Prim Ministru.
Bħal ma qal il-Ħadd li għadda, Bernard Grech reġa’ nsista li l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia kellu javzah dwar id-donazzjoni ta’ nofs miljun ewro li ppreżenta f’isem kumpanija lid-Dar tal-Providenza.
Meta mistoqsi minn Reno Bugeja dwar riżenji u nies li ġew imwarba fil-Partit Nazzjonalista mindu hu laħaq Kap, Bernard Grech imbagħad tfixkel għax wieħed minnhom li ngħata l-ġenb jiġu ħu wieħed mid-deputati li l-lealtà tiegħu dejjem kienet lejn Adrian Delia.
Lejn tmiem l-intervista imbagħad waqgħet il-maskra.
Dan hekk kif meta ġie żvelat li Jason Azzopardi ħa kamra lussuża b’xejn imħallsa mill-grupp ta’ Yorgen Fenech, Bernard Grech kien ordna lid-deputati tiegħu jiddikjaraw x’ħadu iżda f’din l-intervista ħareġ li dak li talab il-Kap se jinżamm mistur.