F’Ħal Lija beda r-restawr fuq it-torri ta’ Belvedere, torri li maż-żmien ġarrab xi ħsarat.
Il-Perit, Mark Azzopardi, spjegalna kif fil-passat dan it-torri kien jagħmel parti minn ġnien kbir, fejn f’nofs is-seklu dsatax kien popolari ħafna li jkollok wieħed minn dawn it-torrijiet għaliex kien sinjal ta’ preġju kif ukoll ta’ bniedem għani.
Il-Perit Azzopardi spjegalna wkoll għaliex dan it-torri kellu bżonn xogħol ta’ restawr: “Illum il-ġurnata jinsab f’nofs it-triq u allura ovvjament it-tniġġis iħalli effett fuqu. Naraw ukoll li qed jibda jkun hemm ukoll ħsarat partikolarment fil-kolonni u fil-kapitelli u l-blata li hemm bejn kolonna u oħra u allura nħass il-bżonn li nintervjenu qabel ma ssir iżjed ħsara.”
Fi żjara fuq dan is-sit, il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, stqarr li pajjiżna ma joffrix biss baħar u xemx iżjed għandu dawn is-siti storiċi li għandhom bżonn jingħataw l-attenzjoni.
Il-Ministru Bartolo qal, “L-għan tagħna huwa li fi żmien li ġejjin nibdew nirkupraw dan il-qasam turistiku li huwa kruċjali għall-ekonomija u postijiet bħalma hawn hawnhekk. Il-Belvedere ta’ Ħal Lija qegħdin naraw li jkun post importanti ieħor li jkun jista’ jattira iżjed turisti lejn din iż-żona tal-pajjiż.”