Ġie inawgurat b’mod uffiċjali l-bini li minnu ser ikunu qed joperaw l-avukati fl-uffiċċju tal-avukat tal-istat. Dan wara restawr estensiv li sar f’Casa Scaglia fil-Belt Valletta li nbidlet fl-uffiċini ġodda għal dan l-avukat b’funzjoni kostituzzjonali.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, li fetaħ b’mod uffiċjali dawn l-uffiċini stqarr kif din kienet sena ta’ riformi kbar fil-qasam tal-ġustizzja. Stqarr li wara li kien hemm is-seperazzjoni ta’ dan l-irwol minn dak tal-avukat ġenerali, issa kien naturali li dan il-bini wkoll joffri uffiċċju separat għall-avukati fl-uffiċċju tal-avukat tal-istat.
Il-Ministru Zammit Lewis qal, “Dan ikompli juri l-impenn tagħna mhux bid-diskors, mhux biss bil-liġijiet istituzzjonali u riformi kostituzzjonali però wkoll b’investiment serju fil-qasam tal-ġustizzja.”
L-Avukat tal-Istat, Dr Chris Soler spjega kif dawn l-uffiċini għandhom post fil-Belt Valletta li huwa loġistikament tajjeb minħabba li huwa post ċentrali. Dan filwaqt li għandu post simboliku wkoll.
Dr Soler sostna: “Meta jkollok post, f’sit bħal dan, tant importanti, viċin daqstant ta’ dawn l-istituzzjonijiet, però xorta waħda kif għadni kemm għidt fl-inawgurazzjoni, distint u separat minn l-uffiċini l-oħra u allura sabiex biex wieħed jiggarantixxi l-indipendenza kostituzzjonali s-setup huwa ideali, naħseb illi dan ser jiffaċilità x-xogħol tagħna u l-qadi ta’ dmirijietna.”