Ħareġ mit-taqsima tal-kura intensiva r-raġel minn Ħal-Qormi ta’ 35 sena li kien fil-mira ta’ bomba nhar it-Tnejn fil-Marsa.
Wara li kien operat u għadda sigħat twal fil-periklu tal-mewt ir-raġel ittieħed f’sala oħra tal-isptar dalgħodu u ONE NEWS huwa nfurmat li l-pulizija tkellmu miegħu b’mod immedjat. Dan hekk kif issoktaw bl-investigazzjoni f’każ li qed ikun meqjus bħala wieħed serju ħafna u li seta’ kellu konsegwenzi ferm agħar.
F’dan l-istess każ weġgħu żewġ persuni oħra; il-passiġġier li kien fil-vann u raġel li kien f’karozza oħra li spiċċat ħabtet mal-vann kawża tal-isplużjoni. Dawn sofrew ġrieħi ħfif.