L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ħaditha qatta’ bla qabel kontra proċess parlamentari li ġieli seħħ qabel, saħansitra ntuża mill-Oppożizzjoni stess fejn persuna kienet eletta fil-Parlament u ċediet is-siġġu għal raġunijiet differenti u b’hekk issir co-option flok elezzjoni każwali għaliex fost oħrajn, id-deputat elett ikun spiċċa fil-Parlament permezz ta’ elezzjoni każwali.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkaża bil-fatt li Gavin Gulia rriżenja mill-Parlament wara elezzjoni każwali li saret biex jimtela s-siġġu tal-Professur Edward Scicluna, li laħaq Gvernatur tal-Bank Ċentrali.
Dr Gulia saħaq li l-Prim Ministru talbu biex jaħdem fis-settur turistiku bħala Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u jmexxi ‘l quddiem l-istrateġija ta’ rkupru fit-turiżmu, qasam li ntlaqat b’mod qawwi mill-pandemija.
Għal dan l-att ta’ servizz minn Dr Gulia, l-Oppożizzjoni ħarġet kontra u l-Kap tal-Oppożizzjoni nfexx jattakka lill-Prim Ministru u jgħajru b’disprezz.
Iżda sa ftit tal-jiem qabel, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien diġà għamilha fatta u mela rasu li se jakkwista xi ħaġa mill-elezzjoni każwali fuq is-seba’ distrett.
Fil-fatt hu stieden lil Charles Azzopardi, wieħed mill-kontestanti fl-elezzjoni każwali ta’ nhar it-Tlieta biex jekk jiġi elett f’isem il-Gvern, jiġi jpoġġi miegħu fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni.
Apparti minn hekk, Bernard Grech nesa jsemmi l-fatt li hu spiċċa fil-Parlament permezz ta’ co-option wara li kien Ivan Bartolo li ċedielu s-siġġu.
Bartolo kien wieħed minn dawk li kien ilu jaħdem biex jitqaċċat Adrian Delia tant li sena qabel ttajret ras Delia mit-tmexxija, huwa mar jiġbor il-firem u jippreżenta petizzjoni kontra Delia, u fil-battalja qalila għall-Kap Nazzjonalista, is-sajf li għadda, Bartolo mar fuq programmi jitkellem kontra Adrian Delia.
L-Oppożizzjoni nsiet ukoll issemmi kif f’din il-leġiżlatura stess, wieħed mid-deputati tagħha għamel ftit minuti deputat parlamentari wara li ġie elett f’elezzjoni każwali, inċidentalment fuq is-seba’ distrett ukoll.
It-tabib Peter Micallef kien ħa s-siġġu li ċeda Jean Pierre Debono u wara li ħa l-ġurament ta’ deputat parlamentari ċedih biex saret il-co-option ħalli sa fl-aħħar, Delia sar membru parlamentari.
Dakinhar il-membri tal-Oppożizzjoni kienu ħabtu fuq il-bankijiet tal-Parlament.
Meta fit-tlieta ta’ Ottubru tal-elfejn u sbatax, Peter Micallef għadda l-ittra tar-riżenja, l-Ispeaker kien sellimlu hekk.