Fl-għaxar ċentri tas-saħħa madwar pajjiżna, bdew jitlaqqmu l-anzjani fil-komunità li għandhom aktar minn ħamsa u tmenin sena, wara li fl-aħħar jiem irċevew l-appuntament bil-posta, bil-ġurnata, ħin u post fejn għandhom imorru biex jieħdu l-vaċċin kontra l-Coronavirus.
Anzjan li tlaqqam il-Ħamis filgħodu appella lil kull min jirċievi l-istedina biex jagħmel bħalu, u qal li qed jittama li ġaladarba l-COVID-19 ikun xi ħaġa tal-passat, ikun jista’ jerġa’ jara lil bintu li tgħix l-Ingilterra.
Qal, “Ġejt nieħu l-injection għax nifhem li hija għall-avvanz tiegħi u nisperaw li neħilsu mill-COVID-19 kemm jista’ jkun malajr u nkunu nistgħu ngawdu l-familji tagħna għax bħalissa l-familja tiegħi per eżempju, it-tifla qiegħda l-Ingilterra, ma tistax tiġi tarana. Forsi jekk neħilsu minn dawn l-affarijiet, nerġgħu niġu naqra għan-normal.”
L-istess appell ħareġ minn fomm anzjana li kienet fost l-ewwel fil-komunità li ħadu l-vaċċin, il-Ħamis filgħodu.
Qalet, “Ejja ma naqtgħux qalbna, kemm tistgħu ejjew. Jien kelli ħerqa kbira biex niġi għal din l-injection. Ġejt u qiegħda kuntenta li ħadtha u lanqas tkun taf li ħadtha.”
Ġaladarba jitlaqqmu l-anzjani kollha fil-komunità li għandhom aktar minn ħamsa u tmenin sena, ikun imiss l-anzjani li għandhom problema ta’ mobilità u li huma msieħba mal-CommCare, li se jkunu qed jitlaqqmu f’darhom minn tim ta’ professjonisti.
Fl-aħħar bulettin mediku tal-Professur Charmaine Gauci l-ġimgħat li għaddiet, hija saħqet fuq l-importanza li jinżamm il-ħin tal-appuntament, kemm tal-ewwel doża kif ukoll tat-tieni doża, għaliex jekk dak li jkun ma jmurx meta indikat fl-istedina, jitlef it-tilqima u ma jerġax isirlu appuntament.
Il-pjan ta’ tilqim tal-Gvern miexi kif skedat hekk kif bħalissa qed jitlaqqmu l-anzjani kollha f’pajjiżna, kemm dawk li jinsabu fi djar residenzjali u issa anki dawk fil-komunità.
Dan bil-għan li dawk l-aktar vulnerabbli, flimkien mal-ħaddiema li jinsabu fuq quddiem tal-ġlieda kontra l-COVID-19, ikunu protetti kontra l-virus, biex aktar tard titlaqqam il-popolazzjoni kollha.