Minn studju Ewropew li sar, magħruf bħala l-ESPAD, instab li ftit iżjed minn erbgħin fil-mija taż-żgħażagħ li għandhom bejn ħmistax u sittax -il sena, jagħmlu użu mill-midja soċjali għal iżjed minn kwart tal-ġurnata kuljum.
Minn dan l-istess studju, nstab wkoll li n-nisa jużaw il-midja soċjali iżjed mill-irġiel tal-istess età u b’hekk dawn qegħdin f’riskju ikbar ta’ kundizzjonijiet relatati mas-saħħa mentali.
In-nisa jagħmlu iżjed użu mill-midja soċjali mill-irġiel, kemm fi ġranet li jkollhom l-iskola kif ukoll meta jkollhom il-vaganzi jew nkella meta għal xi raġuni jkunu ‘l bogħod mill-bank tal-iskola.
Fi ġranet fejn ma jkollhomx skola sebgħa u erbgħin fil-mija tat-tfajliet użu mill-midja soċjali filwaqt li ftit iżjed minn erbgħa u tletin fil-mija tal-ġuvintur jagħmlu dan.
Meta ma jkunux l-iskola, tmienja u għoxrin fil-mija tan-nisa u sitta u għoxrin fil-mija tal-irġiel jużaw l-internet għal ħames jew sitt sigħat matul il-ġurnata.
L-użu tal-internet huwa marbut mal-idea li sigħat bla waqfien fuq il-midja soċjali jista’ jwassal għal effetti detrimentali fuq is-saħħa mentali tal-bniedem.
F’sondaġġ li sar fl-Università ta’ Pittsburgh fl-Istati Uniti, instab li dawk li jqattgħu iżjed minn erba’ sighat kuljum fuq il-midja soċjali għandhom iżjed ċans li jispiċċaw jħossuhom soċjalment iżolati.
Dan minħabba l-fatt li l-midja soċjali turina r-realtà ta’ persuna oħra li minkejja li tkun tidher perfetta, fil-verità ma tkunx, u b’hekk il-persuna tispiċċa tħossha eskluża u waħidha.
Ħamsin fil-mija tal-istudenti għandhom riskju għoli li jispiċċaw ibatu minn problemi relatati mal-midja soċjali, fejn in-nisa li jqattgħu iżjed ħin online, huma ħafna iżjed suxxettibli mill-irġiel li jħossuhom waħedhom, iżjed anzjużi u jispiċċaw ibatu minn xi tip ta’ dipressjoni.
F’pajjiżna, tlieta u sittin fil-mija taż-żgħażagħ li ħadu seħem f’dan l-istudju ammettew li qed iqattgħu wisq ħin jużaw siti bħal Facebook u Instagram fost oħrajn.