F’awla numru 22 kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-allegat tliet eżekuturi tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Hawn ġew ippreżentati recordings ta’ Melvin Theuma flimkien ma’ kopja tal-maħfra Presidenzjali tal-istess Theuma, iżda dan ma kienx preżenti fil-Qorti minħabba li għadu taħt il-kura tal-psikjatri wara li pprova jweġġa’ lilu nnifsu f’Lulju li għadda.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit spjegat kif dan il-każ huwa wieħed marbut bil-ħin u kif Theuma kellu jixhed fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar. Għalhekk, ordnat li t-tliet psikjatri li qed jeżaminaw is-saħħa ta’ Theuma jinfurmaw il-Qorti dwar is-saħħa tiegħu fil-21 ta’ Jannar, fejn se jkompli jinstema’ dan il-każ.
Rigward ir-recordings mogħtija lill-Qorti bħala evidenza, is-Supretendent Keith Arnaud sostna li dawn mhumiex kollha relevanti mal-każ u mhux neċessarjament ipenġu stampa sħiħa ta’ George Degiorgio magħrufa bħala ċ-‘Ċiniż’, ħuh Alfred Degiorgio magħruf bħala l-‘Fulu’ u Vince Muscat magħruf bħala l-‘Koħħu’.
B’Theuma mhux preżenti biex jagħti x-xhieda tiegħu u l-avukati miż-żewġ naħat jikkontradixxu lil xulxin dwar ir-relevanza tar-recordings, il-Maġistrat aġġornat il-każ, u l-kumpilazzjoni se tkompli tinstema’ fil-21 ta’ Jannar.
Il-Qorti mistennija tiddeċiedi jekk ir-recordings għandhomx jinstemgħu kollha hekk kif id-Difiża trid li dawn jinstemgħu kollha iżda l-Prosekuzzjoni qed tgħid li għaxra biss minnhom huma relevanti mal-allegat eżekuturi.