Mexjin ġmielhom il-preparamenti fuq il-Valletta Baroque Festival mħejji mit-Teatru Manoel.
Dan minkejja l-pandemija ħonqot mhux biss il-ħajja tagħna ta’ kuljum iżda anke elementi u attivitajiet kulturali li pajjiżna tant huwa sinonimu għalihom.
Stabbilit fl-2013, dan il-festival li jinkorpora elementi tal-Barokk Malti, huwa wieħed mill-aktar appuntamenti annwali popolari f’pajjiżna.
Dwar il-programm tal-edizzjoni ta’ din is-sena, ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel, Massimo Zammit.
Qal kif, “Bis-saħħa u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema se ntellgħu mini festival. Se jkollna 13-il kunċert li se jiġu mtellgħin fit-Teatru Manoel u ħa jkollna l-aħħar kunċert li se jkun qed jiġi mtella’ Għawdex. Normalment ikollna madwar 30 kunċert madwar Malta u Għawdex kollha.”
Zammit elenka wkoll diversi attivitajiet li ser ikun qed jinkludi l-programm ta’ din is-sena.
Spjega, “Wieħed minnhom ħa jkun tal-Orchestra Malta kif ukoll għandna kunċert li se jittella’ bejn Vibe u Kor Malta li Vibe hija tista’ tgħid fergħa mit-Teatru Manoel u tispeċifika fil-Barokk.”
Il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel spjega wkoll kif il-pubbliku jista’ jsegwi dan il-festival.
Qal, “Il-pubbliku ser ikun jista’ jsegwu dan il-Baroque Festival kemm jekk jiġu hawnekk u kif ukoll it-teatru u l-festival se jknuu qed itellgħu partijiet minn dan il-festival u kunċerti online.”