Aktar minn wieħed u tmenin elf ħaddiem se jirċievu għajnuna supplimentari mill-Gvern fl-ewwel tliet xhur tas-sena.
Il-gazzetta KullĦadd qalet li l-iskema riveduta tal-Wage Supplement se twassal biex sittin fil-mija tal-kumpaniji li diġà jirċievu suppliment tal-paga, se jkomplu jgawdu mill-istess livell ta’ għajnuna jew se jirċievu saħansitra aktar.
Dan filwaqt li erbgħin fil-mija tal-kumpaniji, mistennija jaraw żieda.
Skont informazzjoni ppubblikata mill-Malta Enterprise, aktar minn tlett elef kumpanija li bejniethom jimpjegaw ’il fuq minn ħmistax–il elf impjegat se jkunu qed jaraw żieda fis-suppliment tal-pagi.
Mal-elf u ħames mitt kumpanija oħra se jibqgħu jirċievu l-istess ammont li kienu qed jieħdu sa Diċembru biex b’hekk sbatax–il elf ħaddiem li baqgħu fuq il-post tax-xogħol tul il-pandemija, se jkomplu jirċievu s-suppliment tal-paga matul l-ewwel kwart tas-sena.
Peress li l-kumpaniji eliġibbli diġà qed jibbenefikaw mill-Wage Supplement, mhux se jkollhom bżonn japplikaw. Minkejja dan, kull xahar se jkun hemm il-possibbiltà li n-negozji jinkludu ħaddiema ġodda.