Is-sena li għaddiet, tħallsu aktar minn mitt miljun ewro f’interessi u dividenti minn kumpaniji kwotati fuq il-Borża ta’ Malta.
Fl-istess waqt, l-ammont ta’ flus investit f’kumpaniji privati li huma kwotati fuq il-Borża ta’ Malta, ilaħħaq is-seba’ biljun ewro.
Dawn iċ-ċifri tahom il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, fl-ewwel żjara tiegħu fil-bini tal-Borża ta’ Malta f’din il-kariga.
Huwa saħaq li flimkien mal-importanza li jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi b’miżuri bħall-għajnuna fil-ħlas tal-pagi, magħrufa bħala l-Covid Wage Supplement u l-vouchers ta’ mitt ewro, daqstant ieħor huwa importanti li jiġi protett is-suq kapitali għax l-ekonomija mhix magħmula biss mill-konsum tan-nies.
Qal kif, “Jekk is-suq kapitali ta’ kwalunkwe ekonomija jsofri xi daqqa, eventwalment dik id-daqqa se tirrifletti fi swieq oħra għaldaqstant irridu nkomplu nwasslu l-messaġġ li dal-Gvern qed jagħmel minn kollox biex kull suq tal-ekonomija jiġi protett u fl-istess waqt ukoll inserrħu moħħ l-investituri li l-Gvern qed jagħti kas is-suq kapitali biex nissalvagwardjaw mhux biss l-interessi tal-investituri iżda wkoll ta’ dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jinsabu jaħdmu f’dan il-qasam u anki l-aspett tal-ekonomija b’mod ġenerali.”
Il-Ministru għall-Finanzi saħaq li s-superviżjoni tal-Borża ta’ Malta fuq is-suq kapitali hija kruċjali, u din trid titkompla matul din is-sena għaliex l-agħar ħaġa li tista’ tiġri lil kwalunkwe pajjiż hija li jkollu kumpaniji li jiddikjaraw li ma jkunux jistgħu jonoraw l-obbligi tagħhom.
Spjega li, “Kif qed naraw barra minn Malta, l-ekonomiji Ewropej bħalissa għaddejjin minn lockdowns u dak bla dubju jħalli l-effett ukoll anki fuq l-esportazzjoni Maltija, madanakollu l-fatt li l-finanzi tal-Gvern jippermettu li l-Gvern jekk irid jieħu aktar leverage finanzjarju billi jkompli jgħin lill-ekonomija, xejn mhu se jżommna milli nkomplu nagħmlu dan.”
Iċ-Chairman tal-Borża ta’ Malta, is-Sur Joseph Portelli, qal li fl-aħħar snin saret ħidma b’mod diliġenti biex il-binja tkun waħda dinamika u attraenti għal kull min iżurha, inkluż turisti.