Matul is-sena li ninsabu fiha, hemm maħsub investiment ta’ sebgħa u tletin miljun ewro għall-Port Ħieles, imsejjes fuq il-prinċipji ta’ operat favur l-ambjent u teknoloġiji innovattivi.
Fl-ewwel żjara tiegħu bħala Ministru responsabbli mill-Port Ħieles, Silvio Schembri ħabbar investiment ta’ għoxrin miljun ewro li se jissarraf f’żewġ krejnijiet ġodda.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Terminals, Alex Montebello, spjega li x-xahar id-dieħel se jasal l-ewwel apparat ta’ dawn il-krejnijiet, biex jibdew joperaw sal-aħħar tas-sajf.
Qal kif, “Dawn il-cranes se jitpoġġew Terminal 1 u se jkunu tal-istess dimensjonijiet tat-tliet cranes kbar li għandna diġà f’Terminal 1. Għaldaqstant, dan se jpoġġi lill-Freeport f’pożizzjoni iktar kompetittiva li jagħti servizz ta’ iktar kwalità lill-klijenti tiegħu.”
Meta kompla jitkellem dwar l-investiment maħsub għal din is-sena, il-Ministru Silvio Schembri qal li se titranġa l-ħsara fil-mollijiet b’investiment ta’ miljun u sitt mitt elf ewro.
Fl-istess waqt, bi spiża ta’ kważi tlettax-il miljun ewro, se jsir proġett biex il-vapuri jkunu jistgħu jaqbdu direttament mal-elettriku u jitfu l-magni x’ħin jidħlu fil-Port.
Tliet miljuni oħra se jintefqu fuq parkeġġ ta’ tliet sulari.
Fl-istess waqt, se jissokta l-moniteraġġ ambjentali u titħabbar skema ġdida simili għal dik tad-double glazing, li minnha bbenefikaw mitejn u sebgħin familja, fl-interess tal-Birżebbuġin.
Qal, “Il-viżjoni tal-Gvern f’dan ir-rigward hija ċara. Irrid nara li dis-sena tkun l-ikbar sena ta’ investiment f’din iż-żona u meta qed insemmu investiment, ma jfissirx investiment biss fl-operazzjoni tal-Freeport iżda investiment biex jibbilanċja wkoll fejn jidħlu r-residenti.”
Dan kollu se jibni fuq il-kisbiet fl-aħħar snin, b’mod partikolari s-sena li għaddiet, li minkejja l-isfidi bla preċedent tal-pandemija, il-Port Ħieles ra attività ekonomika li laħħqet il-mija u sittin miljun ewro, ekwivalenti għal aktar minn tnejn fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross.
Fl-istess sena, għaddew mill-Port Ħieles aktar minn żewġ miljuni u erba’ mitt elf kontejner.
David Magro, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Corporation, qal li f’sena ta’ sfidi kbar, baqgħu jsiru l-investimenti, fosthom mija u tmenin elf ewro fuq sigurtà.
Sal-lum, il-Port Ħieles għandu ’l fuq minn mitt konnessjoni ma’ portijiet oħra madwar id-dinja, b’mod partikolari fl-Ażja, u jimpjega aktar minn elf u ħames mitt ħaddiem.