Id-ditta legali li ressqet in-notifika uffiċjali lill-Avukat tal-Istat u fil-Prim Awla Ċivili tal-Qorti biex tinfetaħ il-kawża kontra l-istazzjonijiet politiċi hija BCGL Advocates.
F’din id-ditta legali hemm involut fiha Andrew Borg Cardona u Peter Caruana Galizia.
Għad-ditta legali ffirmaw in-notifika l-avukati Eve Borg Costanzi u Matthew Cutajar għan-nom tal-Lovin Malta u Christian Peregin.
Dan is-sit, li jsejjaħ lilu nnifsu bħala indipendenti, għandu interess partikolari biex fost oħrajn, l-istazzjon ONE jingħalaq.
Iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ ONE Jason Micallef kien fost dawk li fuq il-midja soċjali kiteb li se jkun qed jiġġieled kampanja moqżieża biex ONE jieqaf ixandar.
Għal kitba tiegħu fuq facebook, ikkummenta bi kliem dispreġjattiv Andrew Borg Cardona billi għamel mistoqsija.
Andrew Borg Cardona huwa esponent tal-establishment Nazzjonalista u fl-eqqel tal-battalja biex Adrian Delia jitneħħa minn Kap, huwa spiċċa jgħajjar lil dawk favur Delia bħala Nazzjonalisti tat-tielet klassi.
F’kitba fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Borg Cardona kien qal li imbagħad hemm dawk li riedu lil Delia jitlaq.
Lil dawn sejħilhom bħala Nazzjonalisti tal-ewwel klassi u nies li għandhom moħħ.
Borg Cardona, bħala esponent tal-establishment Nazzjonalista li qaċċat lil Delia u poġġa lil Bernard Grech bħala Kap Nazzjonalista, hu l-avukat fid-ditta legali li trid tagħlaq l-istazzjonijiet politiċi inkluż dak tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-Partit Nazzjonalista hemm figuri għoljin oħrajn li qed jgħidu kontra l-istazzjonijiet politiċi.
Fil-fatt l-ewro parlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola urtat bil-kbir lill-ħaddiema tal-midja Nazzjonalista meta mas-sit Lovin Malta, li beda kruċjata kontra l-istazzjonijiet politiċi, qalet li l-istazzjonijiet politiċi ma kellhomx ikunu hemm għal dejjem.
Bernard Grech li għal bidu waqa’ fil-muta, qal imbagħad li l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista jrid jissaħħaħ u jibqa’ iżda n-nies li għandu suppost warajh qed jaħdmu bil-kontra.