L-Avukat Dr. Gavin Gulia ġie elett fl-elezzjoni każwali li saret fuq is-seba’ distrett wara li l-Professur Edward Scicluna rriżenja mill-Parlament hekk kif laħaq Gvernatur tal-Bank Ċentrali.
Gavin Gulia kien wieħed mit-tliet kontestanti f’din l-elezzjoni każwali biex jimtela’ s-siġġu għal deputat hekk kif ikkontestaw ukoll Charles Azzopardi u Jeffrey Pullicino Orlando.
Fl-ewwel għadd ta’ voti li ħa madwar tliet sigħat, ir-riżultat uffiċjali poġġa lil Gulia minn ta’ quddiem b’elf erba’ mija u sitta u tmenin vot. Warajh, b’distakk ta’ seba’ voti ġie d-Dentist Jeffrey Pullicino Orlando li kiseb elf erba’ mija u disgħa u sittin vot. Fl-aħħar post u li ġie eliminat awtomatikament l-ewwel wieħed kien hemm l-eks Sindku tar-Rabat Charles Azzopardi b’elf u tmienja u għoxrin vot.
It-tieni għadd kkonferma lil Gulia bħala l-kandidat elett fuq is-seba’ distrett, li kiseb elfejn u mitejn u sittax-il vot. Filwaqt li Pullicino Orlando kiseb elf, seba’ mija u ħamsin vot.
Fl-ewwel kummenti tiegħu lill-midja d-deputat elett Laburista qal li kuntent li wara snin se jerġa’ jsib postu fil-Parlament Malti.
Qal, “Ninsab sodisfatt li rritornajt lura fil-parlament, kont diġa’ għamilt 17-il sena. U nixtieq nirringrazzja lill-kostiwenti talli rritornjawni lura fil-Parlament.”
Mistoqsi dwar l-irwol li għandu bħala Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Gulia qal li se jkun qed jieqaf jaqdi dan l-irwol.
Dr. Gulia kien Ministru għall-Ġustizzja fl-1998 u sentejn qabel kien Segretarju Parlamentari responsabbli għal dawk li jaħdmu għal rashom.
F’isem il-Partit Labruista kien hemm is-Sur Louis Gatt, il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-partit flimkien ma’ xi uffiċjali oħra, fosthom il-Ministru Michael Falzon li segwew bir-reqqa l-proċess kollu.
Intant, fi stqarrija, il-Partit Laburista, feraħ lil Gulia għal dan is-suċċess u rringrazzja liż-żewġ kandidati l-oħra li kkontestaw l-elezzjoni każwali.