L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ħabbret programm ta’ attivitajiet kulturali ġdid għat-tliet xhur ġejjin.
Dan sabiex tkompli tibni fuq ix-xogħol li tellgħet matul is-sena li għaddiet minkejja l-limitazzjonijiet li ġabet magħha l-pandemija.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Belt Valletta ġie spjegat kif permezz ta’ dan il-programm ġdid l-Aġenzija kompliet ukoll tibni rapport mal-artisti kemm lokali u anke internazzjonali.
Dwar dan ONE News tkellem maċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta, Jason Micallef hekk kif irrimarka l-importanza tat-tkomplija ta’ attivitajiet kulturali konformi mal-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
“Aħna kellna responsabbiltà li nżommu l-attività ekonomika, soċjali, kulturali għaddejja fil-Belt Valletta imma kellna wkoll ir-responsabbiltà li fiċ-ċirkostanzi preżenti nżommu l-ispirtu ta’ pożittività fost in-nies permezz ta’ dak kollu li norganizzaw b’rispett sħiħ lejn id-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa.”
Huwa tkellem ukoll dwar il-programm il-ġdid ta’ attivitajiet kulturali li jinkludi kunċert ta’ Tatiana Lisnic u preżentazzjonijiet oħrajn ta’ Brian Schembri bħala parti mis-serje Beethoven at Home, fost oħrajn.
Jason Micallef irrimarka wkoll li hemm pjanat totall ta’ erba’ programmi għal din is-sena, b’kull wieħed jkopri tliet xhur.
“Dehrilna li noħorġu b’din l-idea li minflok fiċ-ċirkostanzi li qegħdin ngħixu noħorġu u nippubblikaw kulturali għall-belt għas-sena kollha, nippubblikawh għall-ewwel 3 xhur. Jannar, Frar u Marzu. Dan itina lok biex naħdmu fiċ-ċirkostanzi preżenti imma jtina lok biex bilmod il-mod meta l-pajjiż jibda ġej għan-normal, l-attivitajiet tagħna b’mod speċjali dawk tal-massa, dawk li aħna popolari ħafna għalihom jerġgħu jkunu fid-deher.”
Preżenti għat-tnedija ta’ dan il-programm, il-Ministru għall-Kultura Jose Herrera ffoka wkoll fuq it-twemmin tal-Gvern li l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta hija intrinsika għax-xogħol tal-artisti.
“Il-kultura ma hijiex xi ħaġa ta’ kapriċċ jew entertainment imma hija essenzjali għall-bniedem allura biex bniedem jibqa’ kreattiv u biex ikollu kwalità tal-ħajja jrid ikollu l-kultura.”