Fl-ewwel seduta parlamentari tas-sena, it-Tnejn filgħaxija, il-Ministru għall-Ġustizzja ċanfar lill-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, Jason Azzopardi fi tweġiba parlamentari.
Fil-Parlament, id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi staqsa lill-Ministru Edward Zammit Lewis jekk jikkonfermax li fix-xahar li għadda, l-Avukat Ġenerali rċeviet il-proċess verbal mill-Maġistrat Inkwirenti dwar Inkjesta Maġisterjali fuq bank partikolari f’Malta.
Jason Azzopardi talab lill-Ministru jikkonferma jekk il-Maġistrat inkwirenti, li ħa ħsieb l-inkjesta, irrakomandax li jittieħdu passi kriminali kontra l-bank inkwistjoni, li sorsi qalu lil ONE News li huwa l-bank Pilatus.
Fi tweġiba ċara, il-Ministru Zammit Lewis qal li huwa magħruf li inkjesti Maġisterjali huma kunfidenzjali fin-natura tagħhom.
Il-Ministru għall-Ġustizzja saħaq li Jason Azzopardi, bħala anki avukat missu jaf aħjar li m’għandux jidħol f’din il-materja, irrispettivament mill-fatt jekk hux inkjesta pendenti jew konkluża.
Dr. Zammit Lewis wieġeb li f’ġieh is-saltna tad-dritt, l-istituzzjonijiet għandhom jitħallew jaħdmu mingħajr indħil politiku u b’hekk Ministru ma jindaħalx fil-proċess ta’ inkjesta Maġisterjali.
Il-Ministru għall-Ġustizzja rrimarka li jkun aħjar li Jason Azzopardi jagħti spjega ta’ minn fejn ġab l-informazzjoni, li fin-natura tagħha hi sigrieta skont il-liġi.
Qal li jekk l-informazzjoni li għandu Jason Azzopardi hi fattwali, tista’ tippreġudika l-eventwali proċess kriminali u mandati li jistgħu jinħarġu mill-awtoritajiet biex issir ġustizzja.
Il-Ministru talab lil Jason Azzopardi jieqaf jinqeda bil-professjoni tiegħu t’avukat biex jikseb xi vantaġġ politiku.