Direttivi tal-Unjoni Ewropea ser ikunu qed isaħħu l-liġi tal-Whistleblower f’pajjiżna. Dan ħareġ waqt żjara li l-Ministru għall-ġustizzja, Edward Zammit Lewis għamel fl-uffiċini tad-Direttorat għall-Protezzjoni tad-Data.
Huwa spjega kif dan l-uffiċċju huwa kruċjali hekk kif bil-ħidma tiegħu, jagħti appoġġ strateġiku mhux biss lill-Ministeru, iżda lill-entitajiet u aġenziji tal-Gvern dwar liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tad-data jew il-libertà tal-informazzjoni. Huwa stqarr kif issa dan l-uffiċċju ser ikun ċentrali fl-implimentazzjoni ta’ direttivi ġodda li ser isaħħu l-liġi tal-whistleblower
Il-Ministru Zammit Lewis stqarr: “Issa wasal iż-żmien skont direttivi tal-Unjoni Ewropea li nibqgħu nsaħħuhom. Sal-aħħar ta’ din is-sena ser insaħħuha u ser nagħtu għajnuna mhux biss lill-entitajiet tal-Gvern u lis-settur privat biex imexxi ‘l quddiem u jkun hemm liġi tal-whistleblower mhux fuq il-karta però fil-prattika.”
Id-Direttur tad-Direttorat għas-Sapport Strateġiku, Davida Flores spjegat kif issa l-uffiċċju ser ikun qed iservi bħala punt ta’ referenza biex joffri gwida anke wara d-dħul fis-seħħ tad-direttivi tal-Unjoni Ewropea.
Hija spjegat: “L-uffiċċju tagħna l-iktar li jieħu ħsieb huwa implimentazzjoni xierqa u governanza tajba ta’ affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-privatezza tad-data, jiġifieri naraw li l-implimentazzjoni tal-GDPR tkun kif suppost fid-dipartimenti, Ministeri u entitajiet tal-Gvern. L-istess ħaġa fl-aċċess tal-informazzjoni, fejn tidħol il-freedom of information act u issa ser insiru wkoll coordinating office tal-‘whistleblower directive’ il-ġdida.”