Mitt jum mill-ħatra ta’ Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista wara elezzjoni interna mimlija intriċċi, l-Oppożizzjoni għadha mingħajr shadow cabinet tal-Kap preżenti.
Meta ONE News mar jistaqsi lid-deputati Nazzjonalista fejn kienu f’tas-Silġ, il-post fejn isiru l-irtiri u li mhux daqstant jagħti fil-għajn, deputati Nazzjonalisti taw reazzjonijiet differenti fuq deċiżjoni importanti li Bernard Grech għadu ma ħax bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Sigħat qabel ħaddieħor, l-ewwel li ħareġ kien l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia li inċidentalment ix-shadow cabinet ta’ bħalissa huwa dak li kien ħatar hu.
F’Marsaxlokk, Delia, li kien diġà rappurtat li ma jridx portafoll, qal li Bernard Grech ilu ma jkellmu fuq x’irwol hemm għalih fix-shadow cabinet tal-Kap.
Saħansitra Delia qal li lanqas jaf hux Bernard Grech se jagħmel shadow cabinet.
Deputati oħra Nazzjonalisti u saħansitra s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech dehru maħsuda quddiem din il-mistoqsija u ppruvaw jaħarbu mill-mistoqsija.
Imbagħad id-deputat Nazzjonalista Mario Demarco bagħtna nistaqsu lil Bernard Grech innifsu dwar jekk hux ser iħabbar ix-Shadow Cabinet tiegħu.
Dan filwaqt li għalkemm is-Shadow Cabinet eżistenti jħalli barra numru ta’ portafolli importanti bħal innovazzjoni u l-irkupru wara l-pandemija huwa qal li x-Shadow Cabinet ta’ bħalissa, maħtur mill-eks Kap Adrian Delia, qed jiffunzjona tajjeb.
Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Chris Said, li kien fost dawk li mexxa l-kampanja ta’ Bernard Grech fl-elezzjoni għal Kap, injora għal kollox il-mistoqsijiet ta’ ONE NEWS u minflok beda jara kif ser jiżgiċċa u jaħrab milli jwieġeb.
Id-deputat Nazzjonalista David Thake ftit kien jinteressah dwar is-Shadow Cabinet ta’ Bernard Grech jew meta ser iħabbru.
Intant tfaċċa wkoll id-deputat Nazzjoanalista Jason Azzopardi għadu ma nesiex x’għamel miegħu Bernard Grech wara li ħarġet l-istorja tal-kamra li ħa f’Tel Aviv mħallsa mill-grupp ta’ Yorgen Fenech, l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Wara li daħlu lura baxx baxx fil-grupp parlamentari, Jason Azzopardi bi kliemu inċensa lil Bernard Grech.