Diċembru tas-sena elfejn u għoxrin kien l-ewwel wieħed f’ħafna snin li matulu, il-Maltin baqgħu konsistenti fl-eżerċizzju fiżiku.
Dan ħareġ f’intervista mal-kowċ tal-attività fiżika Mariano Farrugia fil-bidu ta’ sena ġdida, li għal ħafna huwa sinonimu ma’ dieta u eżerċizzju.
Qal kif, “F’Diċembru, meta kkumparat ma’ snin oħrajn, kien iktar konsistenti. Jista’ jikkontribwixxi l-fatt li n-nies kienu inqas distracted, forsi kien hemm inqas safar, allura dak li jkun seta’ jibqa’ kkonċentrat fuq ir-rutina normali fil-qasam tal-attività fiżika u anki kienu iktar aware minn qatt qabel in-nies li importanti li tkun qed iżżomm ruħek f’saħħtek minħabba s-sistema immunitarja u l-affarijiet l-oħra li nafu bihom.”
Il-kowċ b’esperjenza fis-settur, appella biex min bi ħsiebu jibda xi tip ta’ eżerċizzju fiżiku, ifittex gwida ta’ xi ħadd professjonali.
Spjega li, “Illum, speċjalment bħalissa, hawn ħafna min jista’ jiggwida lil dak li jkun u jekk inti għandek gwida ta’ xi ħadd professjonali, għandek ħafna iktar ċans li inti ħa tkompli.”
Mariano spjega li biex wieħed jirnexxi, irid jagħmel il-bidla b’mod sostenibbli, u l-eżerċizzju jarah bħala parti mill-istil tal-ħajja tiegħu.
Qal, “Illum il-ġurnata hawn ħafna iktar options, anki online, waqt il-pandemija ħafna bdew online allura dawn ħafna minnhom se jkomplu online allura żdiedet aktar il-varjetà.”
Dwar is-sena li għadha kif intemmet, Mariano spjega li fil-bidu n-nies kienu xettiċi, iżda adattaw gradwalment meta raw li kienu qed jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex iħarsu s-saħħa ta’ kulħadd.
Qal, “Jien rajt aktar sens ta’ għaqda. Mhux għax qabel ma kienx hawn, però anki fil-gym hawnhekk l-atmosfera kienet aktar dik ta’ empatija u rispett lejn ħaddieħor, dak l-element ta’ familja rajtu żdied.”
Lil dawk li jsibuha diffiċli biex jibdew, Mariano appellalhom biex ma jaqtgħux qalbhom għaliex żgur iħossuhom aħjar, kemm fiżikament kif ukoll mentalment.