Il-kumpanija wara l-ħwienet tal-Convenience, li jgħoddu għal tnejn u sebgħin ħanut madwar il-pajjiż, se tnaqqas tlieta u tletin tunnellata ta’ plastik konvenzjonali fis-sena.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Convenience Martin Agius spjega li b’din il-miżura se jonqos drastikament l-impatt negattiv li l-boroż kienu jħallu fuq l-ambjent.
Qal, “Aħna għadna kif iddeċidejna li bħala boroż li nagħtu lill-konsumaturi tagħna dawn ikunu kollha biodegradable. Aħna nikkonsumaw ’il fuq minn ħames miljun ta’ borża fis-sena jiġifieri circa ta’ 33 tunnellata ta’ plastik. Allura b’din l-inizjattiva nkunu niffrankaw lill-ambjent tlieta u tletin tunnellata ta’ plastik.”
Id-Direttur tal-Kumpanija Kevin Deguara spjega li din mhix se tkun l-unika inizjattiva tal-Grupp, hekk kif tnediet kampanja b’sensiela ta’ clean-ups mill-ħaddiema stess.
Spjega li, “L-ambjent huwa wkoll fuq quddiem bħala prijorità ta’ din il-kumpanija u din hija waħda mill-inizjattivi li ħa nħejju din is-sena f’dak li huwa ambjent.”
Fi żjara li għamel lill-kumpanija, jiem wara li f’pajjiżna twaqqfet l-importazzjoni tal-plastik li jintuża darba, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia spjega kif is-settur privat huwa integrali biex issir it-tranżizzjoni ekoloġika fil-pajjiż.
Qal li, “Huwa importanti li s-settur kummerċjali ikun magħna f’din it-tranżizzjoni ekoloġika li l-pajjiż għaddej minna u għalhekk niringrazzjahom hekk kif dawn għandom lill-ambjent fuq nett tal-aġenda tagħhom.”