Ħames persuni b’diżabilità se jibdew jgħixu l-ħajja indipendenti f’Dar il-Madonna Ta’ Pinu f’Għajnsielem Għawdex li hija amministrata minn Dar Arka.
B’investiment ta’ kwart ta’ miljun ewro dawn il-persuni b’diżabilità se jkunu jistgħu issa jintegraw ruħhom aktar fil-komunità, ħaġa li se tgħinhom kemm fiżikament kif ukoll mentalment.
Dan l-istazzjon tkellem mad-Direttur ta’ Dar Arka Dun Michael Galea, li spjega kif din hija t-tieni dar li se tinfetaħ għal għajxien indipendenti, bl-ewwel waħda hija Dar il-Ġublew tal-Ħniena.
Qal kif, “Qegħdin fil-proċess biex niftħu t-tieni waħda, Dar il-Madonna Ta’ Pinu u xtaqna niftħuha din is-sena fl-għoxrin sena minn meta Dar Arka fetħet il-bibien tagħha imma l-Covid preżentatilna sfidi kbar u kellna ntawwlu l-proċess biex niftħu d-dar. Imma l-ħolma hija li niftħu t-tieni appartament fil-komunità għall-persuni b’diżabilità.”
Kien aktar minn għoxrin sena ilu li l-qassis Għawdxi Dun Manwel Curmi kellu l-ħolma li l-persuni b’diżabilità joħroġhom mid-dar u ma jibqgħux biss wara l-purtiera tal-bieb ta’ barra, u b’dan kisser waħda mit-tabù li kienet għadha ħajja fis-soċjetà Maltija.
Issa, għoxrin sena wara, jmiss li jsir riġenerar ta’ Dar Arka sabiex fiha tkun tista’ takkomoda bl-aħjar mod professjonali lil diversi persuni b’diżabilità ta’ etajiet differenti, saħansitra anke għal uħud li ġew abbandunati.
Spjega, “Dar Arka hija l-ħolma ta’ Dun Manwel Curmi illi ħass il-polz tas-soċjetà ta’ żmienu u ra li hemm bżonn issir xi ħaġa. Ħadem biex ħareġ lill-persuni b’diżabilità minn ġewwa djarhom, ħadem biex bena Dar Arka u jtihom residenza. U anke issa li Dar Arka ilha 20 sena miftuħa u 25 sena li bdiet tinbena wasal iż-żmien li jsir riġenerar.”
Is-saċerdot qalilna li l-Covid-19 ġabet xi sfidi fuq Dar Arka, li ġeneralment timxi fuq id-donazzjonijiet li jagħtu n-nies.
Qal, “Waħda mill-isfidi l-kbar tal-Covid kienet propju d-donazzjonijiet fejn id-donazzjonijiet naqqsu b’mod drastiku u kien hemm ċirkustanzi ta’ fejn id-donazzjonijiet naqqsu bi 80%.”