L-emendi ġodda proposti fil-kisba tad-divorzju qed ikunu sors ieħor ta’ firda u ġlied fil-grupp parlamentari Nazzjonalista hekk kif qed jingħataw verżjonijiet u impressjonijiet differenti.
ONE News mar jistaqsi lill-Kap tal-Oppożizzjoni u lid-deputati Nazzjonalisti fejn ħasbu li mhux se jinstabu u jagħtu fil-għajn.
Maħsudin bil-preżenza ta’ ONE News, ingħataw impressjonijiet differenti dwar materja li l-Partit Nazzjonalista għad m’għandux pożizzjoni waħda dwar tnaqqis fiż-żmien biex ċittadini Maltin u Għawdxin jiksbu d-divorzju u b’hekk ikollhom stabilità f’ħajjithom.
L-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia kien l-ewwel li ħareġ mil-laqgħa li kienet għaddejja f’Marsaxlokk, sigħat qabel sħabu.
Delia kkonferma li l-kwistjoni tal-emendi fil-liġi tad-divorzju mhux qed tiġi diskussa fil-grupp parlamentari mmexxi minn Bernard Grech.
Meta kien mistoqsi: “Hemm qbil mill-grupp parlamentari dwar l-emendi tal-liġi tad-divorzju?”
Delia wieġeb: “Ma kinitx xi ħaġa li ddiskutejna llum.”
Meta reġa’ kien mistoqsi: “Ma ddiskutejtuhiex jiġifieri?”
Delia tenna: “No No.”
Meta l-ġurnalist ta’ ONE News reġa’ staqsa: “Għadha mhux diskussa jiġifieri fil-grupp parlamentari?”
Delia reġa’ qal: “Le.”
Deputati oħra Nazzjonalisti u saħansitra s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech ippruvaw jagħtu l-impressjoni li l-grupp parlamentari Nazzjonalista se jivvota favur l-emendi.
Meta l-ġurnalist ta’ ONE News stqasa: “Il-grupp parlamentari Nazzjonalista magħqud dwar l-abbozz ippreżentat fuq l-emendi tal-liġi tad-divorzju?”
Francis Zammit Dimech stqarr: “Magħqud totalment.”
Claudio Grech qal: “Kompletament”
Hermann Schiavone wieġeb: “Kompletament”
Mario Demarco tenna: “Il-grupp parlamentari huwa magħqud.”
Madankollu, din l-impressjoni malajr sfumat fix-xejn hekk kif malli xiref mill-grada Edwin Vassallo huwa deher skomdu quddiem il-mistoqsijiet ta’ ONE NEWS u għal bidu ma weġibx.
Madankollu meta baqa’ jkun magħfus bil-mistoqsijiet u konxju li ħdejh kien hemm deputati oħra li fetħu widnejhom biex jaraw kif se jġib ruħu ma’ ONE News, b’ton arroganti talabna niftħulu l-bieba tal-karozza.
Il-ġurnalist ta’ ONE News staqsa: “Sħabek fil-grupp parlamentari qalulna li intom magħqudin dwarha, taqbel magħha?” .. Ma taqbilx? .. M’għandekx kumment x’tgħaddi?”
Edwin Vassallo qal: “Iftaħli l-bieba tal-karozza.”
Huwa dar ukoll fuq id-Deputata Claudette Buttigieg u qallilha illi kieku jieħu gost jurina t-tbissima kieku ma kellux il-maskra. Madankollu, għal mistoqsija li għamilnielu dwar il-pożizzjoni tiegħu u tal-grupp parlamentari Nazzjonalista fuq l-emendi fil-liġi tad-divorzju, baqa’ ma weġibx.
Vassallo sostna: “Kieku għandi l-maskla nurihom it-tbissima.”
Ħareġ ukoll Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li uwkoll pruvajna nistaqsuh dwar il-pożizzjoni tal-grupp parlamentari li jmexxi dwar l-emendi fil-liġi tad-divorzju, madankollu filwaqt li kien evażiv u ripetutament ħarab mill-mistoqsijiet tagħna huwa baqa’ jgħid li kellhom grupp parlamentari tajjeb.
Grech stqarr: “Hello orrajt.. Kellna grupp parlamentari vera tajjeb.”
Il-ġunralist ta’ ONE News reġa’ staqsa: “Mhux twieġeb il-mistoqsija, għaliex qed tkompli taħrabli mill-mistoqsijiet Dr. Grech? Għaliex qed tkompli taħrabli mill-mistoqsijiet Dr Grech?”
Bernard Grech stqarr: “Mhux qed naħrab, mhux qed naħrab.”
Il-ġurnalist saħaq: Qed nagħmillek mistoqsija mhux tweġibhieli.”
Bernard Grech qal: “Kellna grupp vera tajjeb.”
Il-ġurnalist ta’ ONE News qal: “L-onorevoli Vassallo ma weġibx.”
Bernard Grech tenna: “Kellna grupp tajjeb.”