Pajjiżna se jkun qed ifakkar il-Jum Dinji Marittimu bejn it-3 u 6 ta’ Ottubru, meta għall-ewwel darba f’pajjiżna se jkun qed isir summit Marittimu. Pajjiżna se jkun qed jospita numru ta’ Ministri responsabbli mit-trasportazzjoni u t-tbaħħir kif ukoll numru ta’ persuni importanti f’dan is-settur fosthom dawk li jfasslu l-politika marritima. L-għan ewlieni ta’ dan is-summit huwa li jiġi diskuss fid-dettall il-futur u l-irwol tat-trasportazzjoni u t-tbaħħir.
It-tema għal Jum Dinji Marittimu 2016 tiffoka fuq l-irwol tat-tbaħħir fid-dinja, tema li tiffoka fuq ir-rabta kritika bejn it-tbaħħir u s-soċjetá globali, bl-għan li titqajjem aktar kuxjenza dwar l-irwol tal-Organizazzjoni Internazzjonali Marittima f’dan ir-rigward. Din l-aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti, hija l-awtorità responsabbli mit-twaqqif tal-istandards globali għas-sikurezza, is-sigurtà u l-prestazzjoni ambjentali tat-tbaħħir internazzjonali. L-irwol ewlieni tagħha huwa li jinħoloq qafas regolatorju għall-industrija tat-tbaħħir li huwa ġust u effettiv u li jiġi implimentat mill-pajjiżi kollha.
Fil-messaġġ tiegħu lis-Segretarju Ġenerali tal-organizazzjoni internazzjonali marrittima, Kitack Lim, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji Marittimu 2016, il-Ministru għat-Trasportazzjoni u l-Infrastruttura Joe Mizzi fisser li pajjiżna jirrikonoxxi l-importanza ta’ din l-organizazzjoni, li fi kliemhu tassigura l-implimentazzjoni tal-għanjiet ewlenin fejn tidħol is-sigurtá u l-ħarsien tal-ambjent marittimu.