Kim Borg Nicolas Virtù, ta’ 29 sena li toqgħod il-Wardija tressqet il-Qorti b’seba’ akkużi ta’ serq, ħafna minnhom ta’ mobiles, tul is-sena li għaddiet.
Filwaqt li d-Difiża tenniet dwar l-importanza tal-prinċipju tal-preżunjzoni tal-innoċenza, il-Prosekuzzjoni stqarret din għandha dipendenza kbira fuq id-droga u għamlet jumejn l-isptar biex tkun rikoverata minħabba l-vizzju tagħha. Innotat ukoll li l-akkużata ma toqgħodx fl-indirizz provdut mill-Qorti.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-nuqqas ta’ affidabbilità fl-akkużata.
Il-Qorti stqarret li l-akkużata għandha bżonn kull biex tiġġieled id-dipendenza tagħha fuq id-droga u rrakomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin iqis sew kull talba għall-għajnuna li ssirlu f’dan ir-rigward.
Hi u ħierġa mill-awla, il-Maġistrat Ian Farrugia għajtilha lura u qalilha kif l-agħar ħaġa li l-Qorti setgħet tagħmel illum hi li tagħtiha l-ħelsien mill-arrest u terġa’ titfagħha fit-triq fejn hemm terġa’ taqa’ għad-droga. Huwa appellalha biex tieħu din l-opportunità biex tiġġieled il-vizzju.